Il-pressjoni fuq il-Gvern mhi taqta’ xejn, bil-kanuni kollha issa jduru fuq Joseph Muscat, tant li l-Eks Prim Ministru jinsab konvint li din hija “vendetta politika”.
Fl-aħħar sigħat, Muscat innifsu ddikjara li kiteb lill-Kummissarju Angelo Gafà biex ikellmu dwar l-Inkjesta Vitals.
Joseph Muscat qed jgħid li lest juri l-fatti kollha lill-Kummissarju; fatti li suppost ilhom snin sħaħ għand il-Pulizija, meta Angelo Gafà stess kien stqarr li ma kienx se jħares lejn wiċċ ħadd.
S’issa, iżda, għadu mhux ċar jekk kienx hemm xi forma ta’ komunikat bejn il-Kummissarju tal-Pulizija u Joseph Muscat.
Dan huwa dak li kiteb Muscat fuq Facebook:
“Għaliex m’għandi xejn x’naħbi u għaliex m’għandi xejn minn xiex niddejjaq milli nkun trasparenti bl-iktar mod asssolut, iktar kmieni llum għadni kif ktibt lill-Kummissarju tal-Pulizija. Għidtlu biex mill-iktar fis possibbli u hekk kif appena jkollu, sakemm dan mhux diġà qiegħed għandu, il-konklużjonijiet mingħand l-Avukat Ġenerali tal-inkjesta dwar l-isptarijiet, isejjaħli biex inwieġeb kull domanda li jista’ jkollu u nuri l-fatti kollha. Kif diġà għidt din hija Egrant oħra. Din hija vendetta politika kontra tiegħi u kontra l-familja tiegħi. Se nibqa’ riżolut li l-verità toħroġ.”
//= $special ?>