Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Il-Gvern Laburista seraq lill-poplu Malti” – David Agius

Fid-diskors tiegħu fl-Imqabba, il-kandidat tal-PN għall-MEPs David Agius beda billi semma eżempju wieħed minn ħafna ta’ kif Gvern Laburista għal darb oħra reġa ma żammx mal-wegħdiet tiegħu. Agius semma kif waqt house visit, kien hemm omm li qaltlu li t-tifel tagħha tal-Year 7 qatt ma rċieva l-laptop li kien wiegħed Gvern Laburista, u kompla billi jgħid li dan mhux l-unika każ li sema li t-tfal ma ngħatawx il-laptop.

Hu kompla billi sostna l-bżonn li jkun hemm iżjed investiment lejn il-mediċini, lejn in-nies li jinsabu fil-periklu tal-faqar, kif ukoll lejn il-problema tal-iskart, fost diversi investimenti oħrajn. David Agius stqarr li l-€400 miljun li nsterqu mill-poplu Malti u Għawdxi għall-iskandlu tal-isptarijiet setgħu minflok intużaw f’dawn is-setturi.

David Agius semma wkoll il-bżonn li l-ħaddiema jkollom iżjed drittijiet u jkollhom l-istħarriġ li jixraqilhom, kif ukoll il-bżonn li jkun hemm iżjed investiment fl-ambjent, fejn mbad faħħar ix-xogħol li għamel il-Membru Parlamentari Nazzjonalista David Casa bis-Social Climate Fund. Hu stqarr li dan hu l-mod kif verament nagħmlu l-ġid f’pajjiżna.

Hu kkonkluda billli ħeġġeġ lill-kulħadd joħroġ jivvota fit-8 ta’ Ġunju sabiex kemm il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsilli Lokali jkomplu jaħdmu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.