Lokali

Il-Labour ikompli jagħmel ħsara lil pajjiżna

Il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna bil-ħniżrijiet li wettqu l-Gvernijiet Laburisti ta’ Joseph Muscat u Robert Abela, tibqa’ għaddejja.

Fil-ħarġa tal-bieraħ ta’ ‘Euractiv’, sit elettroniku bbażat fi Brussell li jiffoka fuq aħbarijiet li jiġru madwar l-Ewropa kollha, tfaċċa ritratt kbir ta’ Joseph Muscat taħt it-titlu ‘Malta’s ex-PM named in money laundering probe linked to ‘fraudulent’ hospitals concession’.

L-artiklu jagħmel referenza għall-għeluq tal-inkjesta maġisterjali dwar id-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet Maltin, li l-eżitu tagħha – total ta’ 78 kaxxa mimlija evidenza – għadda f’idejn l-Avukat Ġenerali l-ġimgħa li għaddiet.

L-artikolista jgħid, fost oħrajn, li filwaqt li l-kontenut tal-inkjesta għadu mhux magħruf pubblikament, hu mifhum li Muscat irċieva aktar minn nofs miljun ewro f’‘kickbacks’.