Lokali

Il-Labour jibqa’ juża politika ta’ biża’

Il-kanditat tal-Labour li kien imexxi Project Green, Steve Ellul, kompla jimbotta l-politika ta’ biża’ li qed tiddomina l-kampanja tal-Patit Laburista. Dan meta fid-dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir ħareġ biċ-ċar l-istat ta’ paniku li jinsab fih il-Partit Laburista hekk kif qed jirrepeti l-istess retorika ta’ negattività u attakki. Dan apparti li qed jibqa’ jbeżża’ b’miżinformazzjoni dwar il-gwerer.

Bla mistħija ta’ xejn, Steve Ellul insista li l-Labour dejjem bagħat fl-Ewropa “nies kompetenti” inkluż Joseph Muscat, li bħalissa jinsab mill-ġdid f’nofs terremot politiku minħabba s-serqa tal-isptarijiet u l-frodi tal-€400 miljun.

Fl-istess xandira, il-kandidat tal-PN David Agius fetaħ dan id-dibattitu billi fakkar li dawn l-elezzjonijiet Ewropej huma frott il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista li Malta tkun membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Mistoqsi dwar l-ambjent, David Agius insista li pajjiżna għandu jimmira għal standards Ewropej u semma’ wkoll il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li l-ambjent nadif għandu jsir dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni; xi ħaġa li l-Gvern għadu m’għamel xejn dwarha.

Dwar it-traffiku, David Agius fakkar li s-sitwazzjoni marret mill-ħażin għall-agħar hekk kif fi 11-il sena tal-Labour mhux talli ma ssolvitx il-problema tat-traffiku talli s-sitwazzjoni kompliet tiggrava f’kull ħin tal-ġurnata.

Fid-dibattitu, issemmew ukoll in-nuqqasijiet kbar min-naħa tal-Gvern fis-settur tal-kostruzzjoni. Tant li fl-aħħar ġimgħat reġa’ kellna aktar inċidenti, u aktar vittmi.

Dwar il-kriżi tal-għoli tal-ħajja, David Agius fakkar li l-PN ma jridx li l-COLA tkun intaxxata, filwaqt li għandha tingħata għajnuna kemm lill-importaturi u anke lill-esportaturi. Huwa proprju b’dan il-mod li l-Partit Nazzjonalista ser ikun hemm dejjem, għal kull Malti u Għawdxi.