- Premju annwali li jingħata għall-eċċellenza fil-ġurnaliżmu li jippromwovi jew jiddefendi l-valuri fundamentali tal-UE
- Ir-rebbieħ jintgħażel minn ġurija indipendenti magħmula minn rappreżentanti tal-istampa u tas-soċjetà ċivili
- Se jingħata premju fi flus ta’ €20,000
- Ċerimonja tal-premjazzjoni f’nofs Ottubru biex jitfakkar l-anniversarju tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Bħal kull sena, il-Parlament Ewropew qed jagħti l-Premju għall-eċċellenza fil-ġurnaliżmu li jippromwovi jew jiddefendi l-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħalma huma d-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet: “Il-ġurnalisti għandhom ikunu liberi li jagħmlu xogħolhom. Din il-libertà mhijiex negozjabbli. Kull sena l-Parlament Ewropew iġedded l-impenn tiegħu li jirrispetta l-libertà tal-media u tal-istampa, b’ġieħ il-ġurnalista kuraġġuża Daphne Caruana Galizia. Daphne ġiet assassinata, iżda l-ispirtu tagħha jibqa’ għaddej fix-xogħol ta’ ġurnalisti li, bħalha, jiddefendu l-verità, il-pluraliżmu u l-ġustizzja. Dan il-premju huwa tagħhom”.
Il-Premju huwa miftuħ għal ġurnalisti professjonisti u timijiet ta’ ġurnalisti professjonisti ta’ kull nazzjonalità. Huma jistgħu jissottomettu xogħlijiet fil-fond li jkunu ġew ippubblikati jew imxandra mill-media bbażata f’wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE. L-għan huwa li jingħata appoġġ lill-ġurnaliżmu professjonali fis-salvagwardja tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Dan il-premju għandu wkoll l-għan li jixħet dawl fuq l-importanza ta’ dan it-tip ta’ ġurnaliżmu.
Ġurija indipendenti magħmula minn rappreżentanti tal-istampa u tas-soċjetà ċivili mis-27 Stat Membru Ewropew flimkien ma’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Ġurnaliżmu ewlenin, se tagħżel il-parteċipazzjoni rebbieħa. Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni ssir kull sena għall-ħabta tas-16 ta’ Ottubru, il-jum li fih inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Il-premju u l-valur fi flus ta’ €20,000 huma turija tal-appoġġ qawwi tal-Parlament Ewropew lill-ġurnaliżmu investigattiv u l-importanza ta’ media ħielsa. Matul dawn l-aħħar ftit snin, il-Parlament wissa dwar tentattivi kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha biex jimminaw il-pluraliżmu tal-media.
Il-Membri tal-Parlament Ewropew ikkundannaw l-attakki fuq il-ġurnalisti, b’mod partikolari minn politiċi f’diversi Stati Membri, u talbu lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni kontra kawżi abbużivi. L-ewwel regoli ġodda li jindirizzaw il-kawżi malizzjużi kontra l-ilħna kritiċi ġew approvati fi Frar 2024. F’Marzu, il-Parlament ta wkoll l-approvazzjoni tiegħu għall-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media. Dan l-att huwa liġi ġdida għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-libertà tal-istampa tal-UE.
Il-ġurnalisti jistgħu jissottomettu l-artiklu(i) tagħhom online fuq https://daphnejournalismprize.eu/ sal-31 ta’ Lulju 2024, f’nofsinhar (CET).
//= $special ?>