Lokali Qorti

Jgħidu li għadhom jgħixu fil-lokalità tagħhom: Tlieta minn 99 elettur li qalbu l-indirizz tal-vot fuq binja tal-Gvern mhux abitabbli fis-Siġġiewi 

Tliet eletturi nisa li qed jistennew li jmorru jabitaw f’binja fis-Siġġiewi, qalu fil-Qorti li huma għadhom ma bdewx jabitaw f’din il-lokalità u dan minħabba li sa issa għadha mhijiex abitabbli u għalhekk sa issa għadhom jgħixu f’lokalità oħra.

Tnejn minn dawn in-nisa qalu li għadhom jgħixu mal-ġenituri tagħhom u oħra qalet li tgħix f’post mikri. Tnejn minn dawn in-nisa jgħixu Ħal Qormi u oħra San Ġwann, u li huma lkoll ‘single mothers.’ Dan ħareġ meta bdew jinstemgħu r-rikorsi li saru mill-Partit Nazzjonalista biex ir-Reġistru Elettorali jiġi rivedut.

Oriġinarjament kienu erbgħa l-persuni li kellu jinstema’ l-każ tagħhom fil-Qorti, imma l-elettur l-ieħor li huwa maskili ma nstabx la meta l-marixxal mar ifittxu fid-dar fejn joqgħod fl-Imġarr u lanqas fil-binja Silvio Parnis, fis-Siġġiewi, peress li din għadha mhux abitabbli.

Sadanittant, it-tliet xhieda nisa qalu wkoll li kienu bagħtu għalihom biex jiffirmaw formola sabiex jibdlu l-vot tagħhom għas-Siġġiewi. Huma qalu li ma jafux min kienet il-persuna li qaltilhom biex jiffirmaw, bi tnejn minnhom jgħidu li xi ħadd mill-‘housing’ iżda m’għandhomx idea min kien.

Il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li min ikollu l-jedd li jiġi reġistrat għall-vot għandu jiġi biss reġistrat fid-distrett u bl-indirizz li fih huwa soltu jgħammar. Dan huwa dak li iswed fuq l-abjad tgħid il-liġi fl-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, Kapitlu 354, paragrafu numru 22.

Iżda, b’mod mill-aktar surreali, fl-aħħar reġistru elettorali jidher li hemm 99 persuna rreġistrati fuq binja fis-Siġġiewi li sa issa mhux abitabbli bħalma jixhdu ritratti wkoll li ġew preżentati fil-Qorti. Kien għalhekk li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, f’isem il-Partit Nazzjonalista – flimkien ukoll mal-President tal-Kunsillieri Nazzjonalisti u kunsillieri Nazzjonalisti tas-Siġġiewi, fetħu rikors il-Qorti bil-għan li r-Reġistru Elettorali għall-Elezzjonijiet Ġenerali kif ukoll għall-Kunsilli Lokali u tal-Unjoni Ewropea jiġi rivedut minnufih.

Issa il-ġimgħa d-dieħla għandhom jinstemgħu aktar eletturi jixhdu quddiem diversi Maġistrat oħra li ġew assenjati lilhom il-każijiet. Fil-bidu tal-kawża l-Avukati Pawlu Lia u Ramona Attard talbu biex ikunu jagħmlu parti fil-kawża, u minkejja li ngħataw il-permess mill-Maġistrat Kevan Azzopardi biex jgħidu tagħhom, għadha ma ntlaqatx it-talba biex dawn ikun parti minn dawn il-proċeduri, u dan wara oġġezzjoni mill-PN.

L-ewwel mara li xehdet dehret ferm eċċitata fejn f’ħin minnhom bdiet ukoll tibki sakemm l-Avukati mill-partijiet kollha, dawk mill-PN, mill-PL u l-Avukat tal-Kummissjoni Elettorali serħulha rasha li din mhix kawża kontra tagħha imma biex jiġi deċiż biss jekk hi hix se tivvota fejn tgħix issa, jew fejn sejra toqgħod.

Din qalet fil-Qorti li bagħtu għaliha madwar erba’ ġimgħat ilu biex tmur tiffirma formola fil-post fejn sejra toqgħod fis-Siġġiewi. Mara oħra qalet fil-Qorti li tinsab fil-proċess li tiġi rilokata fis-Siġġiewi u li qalulha wkoll li trid tibdel il-karta tal-identità biex tkun tista’ trapplika għas-servizz tad-dawl u l-ilma.

In-nisa bdew iwieġbu għal diversi domandi li bdew isiru mill-Avukat Karol Aquilina, li flimkien mal-Avukat Joseph Grech qed jidhru għall-PN. Tnejn mill-eletturi qalu li huma ġew infurmati li se jieħdu post fis-sena 2021 u raw il-post fl-2022,

Dwar il-formoli li ġew iffirmati mill-eletturi, il-membru tal-Kummissjoni Elettorali qal li teżisti formali biex wieħed jibdel il-lokalità fejn jivvota u li din jista’ jakkwistaha anke mill-Kunsill Lokali, dan wara li l-Avukat Pawlu Lia qal li l-Kummissjoni Elettorali toqgħod fuq Identità Malta, xi ħaġa li skont il-Kummissjoni hija verità, imma li l-formali biex wieħed jibdel fejn jivvota teżisti u din tgħaddi għand Iden

Xhieda oħra fil-każ kienu Michael Piccinino, s-Segretarju Ġenerali tal-PN; u l-Perit Julian Borg li qalu li marru jaraw il-binja fis-Siġġiewi li ħadd ma joqgħod fiha u li hemm ħafna oġġetti bħal għamara mhux f’posthom u li lanqas hemm is-servizzi tad-dawl u ilma.

Il-Perit Julian Borg qal li hu ħabbat ukoll fuq xi biebien u ħadt ma fetaħ filwaqt li dwar il-postijiet tan-nisa preżenti li kienu fil-Qorti qal li dawn mhumiex ukoll abitabbli fejn minkejja li għandhom in-numru, lanqas għandhom qanpiena mal-bieb.

Michael Piccinino qal li meta kien sema’ li kien hemm persuni li dawru l-karta tal-identità mar mill-ewwel fuq il-post u dan għamlu lejliet qabel ma daħal ir-rikors fejn tenna li lanqas kien hemm bibien u twieqi maqlugħin. Tenna wkoll li osserva n-numri fuq il-bibien tal-eletturi kollha.

Il-Perit Julian Borg, li huwa wkoll kunsillier f’isem il-PN, qal li lill-eletturi nisa li kienu fl-alwa tal-Qorti ma jafhomx u li hu mar sal-Ħamis stess fil-binja għall-ħabta tat-8.30pm fejn ġibed filmat u li xejn ma kien hemm abitabbli.

Xhud ieħor kien Patrick Balzan, li qal li żar il-post sal-Ħamis li għadda stess meta mar biex jagħmel id-door to door. Tenna li kien mar ukoll fl-20 ta’ April. Tenna li sal-Ħamis stess filgħaxija kien għadu fi stat ta’ kostruzzjoni u ħafna vojt u li fl-appartamenti u l-postijiet ma kien hemm ħadd, inkluż tat-tliet nisa msemmija. Tenna li kif tidħol kien kollu vojt, u ma kien fih xejn għajr kamra tal-banju. Il-każ ikompli nhar il-Ħamis fl-10am.