Il-Gvern Laburista qed jissikka ċ-ċintorin ma’ dawk l-iktar batuti hekk kif fejn qabel dawk fil-bżonn kienu jibbenefikaw minn skema t’għajnuna bi prodotti bażiċi ta’ ikel, il-Gvern Laburista qed jagħżel li jnaqqas il-prodotti drastikament.
Fil-fatt, kull sitt xhur, dawk fil-bżonn kienu jieħdu żewġ basktijiet mimlija b’14-il prodott differenti li jvarjaw minn għaġin, kafè u tè, u tonn taż-żejt, fost oħrajn. Iżda issa, kulma qed jieħdu baskett żgħir b’erba’ prodotti jiġru li għandhom xorti jservuhom għal ġimgħa sħiħa.
Qabel, permezz ta’ din l-iskema kienu jieħdu żewġ basktijiet b’xelta ta’ prodotti, fosthom:
- Cornflakes
- 4 bottijiet kafè
- 6 pakketti couscous
- 6 pakketti spaghetti
- 4 pakketti ross
- Borża kbira tè
- 6 laned tonn
- 4 laned baked beans
- 2 laned ta’ burgers
- 2 laned zalzett
- 6 laned zalza tat-tadam
- 4 laned bil-piżelli
- 4 laned b’taħlita ta’ ħaxix
- 6 laned taċ-ċiċri
Minn issa ‘l quddiem jidher li se jibdew jieħdu biss:
- 3 pakketti ross (pakkett inqas minn qabel)
- 8 laned tonn
- 6 pakketti spaghetti
- 6 laned zalza tat-tadam
L-Iskema ta’ Distribuzzjoni tal-Ikel Iffinanzjat mill-Istat jew kif inhi aktar magħrufa bħala l-SFFD, se tingħata lin-nies l-iktar fil-bżonn. Din l-iskema għandha l-għan li minbarra li toffri għajnuna materjali lil familji li huma l-aktar fil-bżonn jew vulnerabbli, tikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Is-sit tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jispeċifika b’mod ċar min huma dawk eliġibbli għal din l-iskema – dawk l-iktar fil-bżonn. U meta f’pajjiżna hawn familji sħaħ li ma jafux kif se jlaħħqu sal-aħħar tax-xahar tant li qas jaffordjaw platt ikel sħun kuljum, il-Gvern Laburista, minflok qed jgħinhom iktar qed jagħżel li jpoġġi f’sitwazzjoni agħar minn qatt qabel.
Minn Jannar sa Diċembru tal-2023 mas-27,000 irrikorrew għall-għajnuna għand is-Soup Kitchen fil-Belt Valletta – li jfisser medja ta’ aktar minn elfejn persuna kull xahar.
Studju indipendenti li sar fl-aħħar jiem mill-UHM Voice of the Workers ikkonferma ż-żieda drastika fil-prezz ta’ xirja bażika; studju li sar bejn l-2022 u l-2024 u li juri kemm żdiedu l-prezzijiet fl-aħħar sentejn.
Bl-istess studju, bl-isem Cost of Living Survey Grocery Prices, juri kif matul dawn ix-xhur ġie nnotat li l-prezz ta’ xirja bi prodotti bażiċi tela’ b’madwar €20.66. Dan minkejja li l-Gvern ftaħar bl-Iskema Stabbiltà – li ftit li xejn ħalliet effett.
Fil-fatt wera li l-iskema Stabbiltà ma tantx inħasset, hekk kif prodott wieħed jew tnejn biss kienu f’din il-lista. U minkejja ħafna pompa dwar din l-iStabbiltà, l-istudju juri li anke l-irħas supermarket xorta kapaċi jkollhom prodotti li huma ogħla minn postijiet oħra.
F’kelma oħra, il-Gvern mhux talli mhux qed jgħin lil dawk l-iktar fil-bżonn, talli qed jieħu dawk li normalment jagħti lil min għandu bżonn. L-istess bħalma qed jiġri fil-COLA meta għadha qed tiġi ntaxxata. Il-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jirrifjuta li japplika l-proposta tal-Partit Nazzjonalista sabiex ma jibqax jieħu taxxa minn fuq l-għajnuna.
//= $special ?>