Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li kull min jissemma fl-inkjesta Vitals għandu jwarrab b’mod immedjat minn kull kariga pubblika li jokkupa.
Dan jgħodd kemm jekk wieħed hu Prim Ministru, Viċi Prim Ministru, Ministru, Segretarju Parlamentari jew f’kariga oħra fis-servizz tal-Gvern.
Min jirriżulta li kien involut fl-akbar frodi fl-istorja ta’ pajjiżna ma jistax jibqa’ jgawdi l-pożizzjoni tiegħu. Hekk titlob is-serjetà u l-ġustizzja li ma tħares lejn wiċċ ħadd, jgħid x’jgħid Robert Abela.
Hu ċar li diversi politiċi Laburisti, fosthom Robert Abela, Joseph Muscat u Chris Fearne jafu eżatt x’ikkonkludiet l-inkjesta mhux biss għax huma jafu x’ħawdu matul is-snin li għaddew iżda wkoll għax hu ċar li ġew mogħtija aċċess għal dak li kkonkludiet l-inkjesta.
Għalhekk, Robert Abela qed juża’ dak li jaf mill-inkjesta biex jagħmel manuvri politiċi bl-għan li jsalva politikament. Dan qed isir bil-kompliċità u bil-barka tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija, li kienu u għadhom maħkumin minn Kastilja u kull pass tagħhom qed isir bil-barka ta’ Kastilja.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ma jibqgħux ikaxkru saqajhom u jagħmlu dak li huma obbligati jagħmlu skont il-liġi ta’ pajjiżna biex issir ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdex.
L-aġir ta’ Robert Abela juri li ma tgħallem assolutament xejn minn dak li wassal għall-waqgħa ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru.
Robert Abela hu deċiż u determinat li jżomm mal-patt imxajtan.
//= $special ?>

