L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) appella lill-Gvern biex iqum mir-raqda u jieqaf itawwal iż-żmien fl-implimentazzjoni tal-liġijiet li jħarsu u jipproteġu lill-ġurnalisti u li ilhom jistennew kważi sena.
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa, l-IĠM qal li l-White Paper kważi sfaret tistenna.
L-IGM jinsab ikkonfondut dwar kif il-Gvern qed itawwal u jżomm milli jppubblika l-White Paper wara r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-kumitat ta’ esperti li kellu l-iskop li jfassal liġijiet aktar b’saħħithom li jipproteġu l-ġurnalisti, l-aktar mill-abbużi fl-azzjonijiet legali , aktar magħrufa bħala SLAPPS.
Il-liġijiet imtejba, sostna l-IĠM, jagħmlu pass ‘il quddiem fil-ħolqien ta’ ambjent li fih il-ġurnalisti u l-media, ir-raba’ pilastru tad-demokrazija, jistgħu jkomplu bix-xogħol importanti tagħhom li jħarsu d-demokrazija – ħaġa li l-IĠM qal li pajjiżna għandu bżonn disperament.
Dan kollu minkejja li dan kien ukoll fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista llum fil-gvern, u li ssemmew ukoll fl-ewwel diskors mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
L-IĠM appella wkoll lill-Gvern jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet imniżżla fl-Inkjesta dwar il-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-IĠM appella lill-Gvern Laburista jindirizza sfidi oħra importanti li għandu pajjiżna u li qed idgħajfu l-media, fosthom it-tisħiħ tal-Freedom of Information Act u d-diffikultajiet finanzjarji li għaddejjin minnu bħalissa l-media.
Sadattant, l-IĠM qed jaħdem biex iwaqqaf il-kunsill tal-media li għandu jsaħħaħ u jservi ta’ regolatur b’saħħtu. Jinsab ukoll fl-aħħar stadju fit-twaqqif tal-ewwel trade union għall-ġurnalisti li se tikun diskussa u mwaqqfa fil-Laqgħa Ġenerali li jmiss fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

