Lokali

Parata ta’ San Ġorġ 2024

Baden Powell Scouts Malta organizzat iċ-ċelebrazzjoni annwali ta’ Jum San Ġorġ li saret nhar il-Ħadd, 28 t’April, 2024.

Il-ġurnata bdiet b’quddiesa fil-Knisja ta’ San Publju l-Furjana, li għaliha attendew l-iscouts u l-familji tagħhom. Barra minn hekk, il-Kor tal-Iscouts San Ġorġ, magħmul minn scouts ta’ diversi etajiet, anima l-quddiesa għat-tieni sena konsekuttiva. Ftit wara, ġiet imbierka bandiera uffiċjali tal-Federazzjoni Baden Powell Scouts Malta li ġiet iddisinjata riċentament.

Wara l-quddiesa, is-seba’ gruppi ta’ Baden Powell Scouts fosthom, l-Imtarfa, Ħaż-Żebbug, Ħal Qormi, l-Imġarr, Ħal Luqa, il-Baħrija u San Pawl il-Baħar qabdu t-triq mill-Fosos tal-Furjana sa quddiem il-Lukanda Phoenicia u ffurmaw l-fillieri biex tibda l-parata.

Din is-sena Baden Powell Scouts Malta kienet onorata li timmarċja flimkien mas-Sea Cadet Corps Malta GC, l-International Scout and Guide Fellowship, u Scout mill-Kolombja li jifforma parti mill-grupp 7 Guane mill-A.C.E.

Il-Parata telqet minn Triq ir-Repubblika, sa Pjazza San Ġorġ fejn l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono ngħatat is-Salut tal-Iscout. Il-parata kompliet ir-rotta tagħha, sat-tarf t’isfel ta’ Triq ir-Repubblika, fejn infirxet.

Barra minn hekk, il-Profil tal-Federazzjoni BPSM, ingħata lill-President ta’ Malta u lill-media li kienu preżenti. Il-Profil tal-BPSM jinkludi l-istruttura, l-għanijiet, u l-attivitajiet tal-membri tiegħu, u wkoll dwar l-Iscouting Internazzjonali bħala membri sħaħ tal-Federazzjoni Dinjija tal-Iscouts Indipendenti. (W.F.I.S).