Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Robert Abela qed jagħmel manuvri politici biex isalva lilu nnifsu u jgħerreq lill ħaddieħor” – Bernard Grech

Fid-diskors tiegħu waqt l-attivita politika fl-Imqabba, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech beda billi sostna li qegħdin fi żmien ta’ ħafna sfidi, u li l-Partit Nazzjonalista qed jiffoka fuq l-isfidi tal-poplu. Sfidi li jikkonsistu dawk relatati mat-telqa fil-pajjiż, nuqqas ta’ ndafa, it-traffiku esaġerat u l-problemi fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni, fost oħrajn.

Hu stqarr li Gvern Laburista tefa’ lill-Malta fl-ikbar żmien ta’ kriżi – l-istess gvern li jinsab mitluf u mifxul kemm bil-problemi interni fil-Partit Laburista u tal-Gvern, iżda wkoll fuq il-problemi li qed jaffaċjaw il-Maltin u l-Għawdxin.

Hu kompla billi jgħid għala għandna nirriflettu fuq il-problemi li għaddejjin minnhom – problemi li aħna qed nesperjenzaw għax Gvern Laburista ħatfu l-ġid mingħand il-poplu u minflok qasmuh ma’ dawk tal-qalba, u li din dehret ċara mill-inkjesta li ġiet konkluża din il-ġimgħa.

Din l-inkjesta wriet lif l-għola uffiċjali ta’ pajjiżna kienu kompliċi ma’ persuni li ġew Malta bl-iskop li jisirqu mis-settur tas-saħħa tal-Maltin… serqa ta’ €400 miljun. Semma wkoll l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali – każ ieħor fejn Gvern Laburista seraq il-flus minn dawk li huma verament fil-bżonn, u minflok tagħhom lil dawk li ma ħaqqhomx.

Bernard Grech spjega kif fil-Qorti, reġa ntalab diferriment, hekk kif il-Gvern ma mexxiex provi ‘l quddiem, apparti prova waħda li biha kompla farfar it-tort fuq ħaddieħor. Robert Abela qed jagħmel manuvri politici biex jsalva lilu nnifsu u jgħerreq lill ħaddiehor.

Mbad kompla billi jgħid li Gvern Nazzjonalista jista jġib il-ġid lil pajjiżna, u din tidher ċara bit-track record tajjeb li kellu Gvern Nazzjonalista. Gvern Nazzjonalista beda sptar ġdid, bena l-Ajruport, kif ukoll bena sistema ta’ telekomunikazzjoni u internet li għaqqduna mhux biss mal-Ewropa, iżda wkoll mad-dinja kollha. Apparti minn hekk, kien Gvern Nazzjonalista li daħħal lill-Mata fl-Unjoni Ewropea 20 sena ilu.

Bernard Grech kompla billi rringrazzja lill-Membri tal-Parlament Ewropew tax-xogħol tagħhom, kif ukoll lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali… fejn mbad kompla billi jħeġġeġ lin-nies jivvutaw għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll ħeġġeġ lill-kandidati stess sabiex jkomplu jħabbtu l-bibien sabiex jisimgħu x’verament irid il-poplu, u jmexxu l-mesaġġ tal-Partit Nazzjonalista.