Lokali Qorti Saħħa

Differita l-kawża li fetaħ il-PN dwar is-serqa tal-isptarijiet

Fl-aħħar seduta tal-kawża tal-Partit Nazzjonalista biex jiġu rkuprati l-flus mogħtija lill-kumpaniji Vitals u Steward, l-Avukat tal-Istat iddikjara li ma kellu l-ebda evidenza x’jipproduċi. L-Imħallef Toni Abela kien iddiferixxa l-każ għal-lum iżda dalgħodu l-kawża reġgħet ġiet differita.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Toni Abela, qed tisma’ l-kawża li fetaħ il-Partit Nazzjonalista kontra l-Avukat tal-Istat dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, fejn fiha qed jintervjenu l-Gvern u l-Kabinett fuq talba li saret fl-aħħar xhur.

Il-Partit Nazzjonalista ma xtaqx li l-Gvern ikun parti mill-kawża għax qal li l-Gvern qed ikompli juri li ma jridx iġib lura l-€400 miljun li qal li ngħataw għalxejn lil Vitals u Steward. Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u d-deputat Delia kienu sostnew li b’għemilu l-Gvern qed jattakka lill-Partit Nazzjonalista talli ġab lura l-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Mill-ġdid qed jerġa’ jintalab li s-seduta tiġi differita. Mistoqsi għalfejn iridu li ssir b’urġenza din il-kawża, intqal li hemm bżonn li dawn il-miljuni ta’ ewro jinġiebu lura mmedjatament u dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-Qorti.

Il-Qorti tat l-aħħar ċans biex jippreżentaw il-provi tagħhom, u għandhom sal-ħmistax ta’ Mejju biex jikkomunikaw ma’ Dr. Debono biex jgħidu min se jkun qed jixhed. L-Imħallef qal li lest li jisma’ jekk isiru sottomissjonijiet verbali.