Qorti

Sentenza sospiża wara li ammetta l-involviment fis-serq mill-Palazz tal-President

Anthony Stivala ta’ 67 sena residenti l-Iklin, ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li ammetta li seraq, li laqa’ għandu u li kellu fil-pussess tiegħu oġġetti kulturali misruqa għad-dannu tal-Istat Malti.

L-Ispettur Kristina Delia qalet li fil-5 ta’ April 2024, il-Pulizija ġew informati li kienu nsterqu xi oġġetti ta’ valur mill-Palazz tal-President fil-Belt. Qalet li minn filmati tas-CCTV ġiet identifikata Serba, li tressqet il-Qorti u li l-proċeduri fil-konfront tagħha għadhom għaddejjin.

Qalet li l-Pulizija komplew jinvestigaw u identifikaw il-persuna Serba kellha kuntatt ma’ Stivala ta’ spiss u dakinhar li serqet l-oġġetti baqgħet sejra f’ħanut tal-antikitajiet. Qalet li l-pulizija sabu li sid dan il-ħanut, ċertu Anthony Stivala.

Delia kompliet tgħid li permezz ta’ mandat ta’ tfittxija, marru fir-residenza tiegħu u l-Ħamis dan ġie interrogat fejn ikkonferma min kienet il-persuna li għaddietlu l-oġġetti misruqa u li hu sar jaf mill-aħbarjiet dwar in-natura ta’ dawn l-oġġetti.

Huwa qal li beża’ jinforma lill-Pulizija għaliex l-istorja kienet se tikber. L-Ispettur qalet li l-Ħamis li għadda stess, ħadhom fil-proprjetà tiegħu u għaddhielhom l-oġġetti misruqa. Mistoqsija jekk issa l-oġġetti kollha misruqa ġewx irritornati, l-ispettur qalet li fadal vażun wieħed nieqes u li skont Heritage Malta huwa replika mhux oriġinali b’valur ta’ €300.

L-oġġetti oriġinali ġew irritornati fi stat tajjeb. Huwa stmat li dawn għandhom valur ta’ €12,650. Fil-Qorti ħareġ li fis-serqa nsterqu erba’ oġġetti li tlieta minnhom instabu. L-Avukati difensuri, Roberto Spiteri u Joanne Scerri, qalu li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u rritorna kull oġġett li kellu u dawn f’kundizzjoni perfetta. Qalet li l-akkużat m’għandux jerfa’ l-piż ta’ għemil ħaddieħor.

Dwar il-piena, il-prosekuzzjoni qalet li għandu jkun hemm sentenza ta’ sentejn sospiża għal tliet snin bil-kundizzjoni li hu jixhed fil-kawża tas-Serba. Madankollu, id-difiża ma qablitx u qalet li titlob li l-Qorti tikkunsidra kif dawn l-oġġetti spiċċaw għandu.

Sosniet li hu ma kienx jaf minn fejn ġew u l-unika reat li għamel li meta sar jaf mill-aħbarijiet minflok informa lill-Pulizija, beża’ u ħbiehom ma jmurx tikber l-istorja. Qalet li hu xogħlu li jirċievi oġġetti antiki mingħand in-nies, jivvalutizzahom u jħallashom għalihom u mbagħad ibigħhom.

Tenniet ukoll li kien hemm negliġenza li f’dan il-każ għaliex formola li normalment jagħtihom lill-klijenti biex jiddikjaraw li mhux ibigħulu oġġetti misruqa, ma mtlietx. Il-Qorti sabet lil Stivala ħati tal-akkużi kontrih fuq ammissjoni tiegħu stess.