Umberto Tozzi, Anastasia u Corona – huma wħud mill-artisti internazzjonali li flimkien ma’ numru ta’ artisti lokali se jkunu qed jagħtu spettaklu mill-isbaħ b’risq Dar Bjorn.
Din l-attività se tkun qed issir fil-grounds ta’ Ħal Għaxaq ġimagħtejn qabel il-festa ta’ San Ġużepp f’din l-istess lokalità. Il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju, il-grupp lokali The Travellers se jkun qed jiftaħ is-serata li fiha se jkanta Umberto Tozzi, u s-Sibt 18 ta’ Mejju qabel ma jibda l-kunċert ta’ Anastasia, l-artisti lokali Different Minds, Kurt Calleja u Glen Vella se jkunu qed jagħtu spettaklu mill-isbaħ, kif spjegalna Frank Zammit l-organizzatur ta’ dan l-avveniment.
Il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju s-serata wkoll se tinkludi varjetà ta’ artisti lokali kif ukoll internazzjonali b’taħlita ta’ mużika mis-snin 90. Fost oħrajn l-udjenza se tkun tista’ tgawdi t-talenti ta’ Tenishia, Ryan Spiteri, Corona, ICE MC kif ukoll Marvin u Andrea Prezioso.
Frank Zammit spjega kif f’dawn l-aħħar tliet snin dan l-avveniment kompla jikber tant li sar avveniment annwali. F’dan il-perijodu nġabru iktar minn €50,000 b’risq għaqdiet filantropiċi.
//= $special ?>