Elezzjonijiet 2024 Lokali

Tliet prijoritajiet li se jkunu l-qofol tal-ħidma tal-PN fl-irħula

Aktar indafa, pjanar aħjar, u studju serju dwar il-carrying capacity ta’ pajjiżna.

Dawn kienu t-tliet punti elenkati mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u li se jkunu l-qofol tal-ħidma tal-Partit Nazzjonalista f’kull lokalità, hekk kif tenna wkoll li kull belt u raħal f’pajjiżna se jkollhom programm elettorali li jħares l-interessi u l-ħtiġijiet individwali ta’ kull lokalità madwar Malta u Għawdex.

F’din il-kampanja, il-PN qed jipproponi li jsiru studji tal-‘carrying capacity’ tal-lokalitajiet, sabiex jiġu assigurat investiment infrastrutturali għas-snin li ġejjin.

Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista se jaraw li ssir pressjoni fuq il-Gvern biex jiżguraw li ma jkunx hemm toroq magħluqa bla koordinazzjoni fil-lokalità jew fl-entratturi u l-ħruġ tal-istess lokalità.

Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista jridu wkoll jiżguraw l-indafa fil-lokalità tagħhom, speċjalment biex jindirizzaw il-problema tal-iskart. U jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jaraw li jinġabar l-iskart fil-lokalità tagħhom, inkluż li jsiru ġabriet addizzjonali; avolja l-Gvern qed jipprova jwaqqafhom milli jagħmlu dan.

Meta preżenta l-kandidati għall-Kunsilli Lokali, Bernard Grech qal li l-lokalitajiet għandhom ikollhom is-saħħa – u dawn m’għandhomx ikunu biss customer care kif jixtieq Gvern Laburista.

Bernard Grech tenna li pajjiżna jinsab f’punt delikat u l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ viċin il-poplu biex pajjiżna jkollu t-tmexxija li jistħoqqlu.