Elezzjonijiet 2024 Lokali

Bernard Grech qalb l-Għawdxin

Matul il-jum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel żjarat fil-lokalitajiet tax-Xagħra u Marsalforn fejn kellu l-okkażjoni jiltaqa’ mar-residenti kif ukoll ma’ sidien ta’ stabbilimenti kummerċjali.

Il-Kap tal-PN stqarr li l-komunità Għawdxija, bl-għajnuna ta’ numru kbir ta voluntieri kif ukoll il-Kunsill Lokali rnexxielhom li mix-xejn joħolqu bosta proġetti. Dan kollu, għall-ġid tal-familji Għawdxin u s-sidien ta’ negozji.

Ir-residenti ta’ Marsalforn kellhom l-opportunià li jkellmu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista sabiex juru it-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni f’din iz-zona turistika – dan hekk kif Marsalforn ħa xejra ferm differenti f’dawn l-aħħar snin. B’rapporti ta’ diversi każi ta’ ġlied u nuqqas ta’ sigurta’.

L-Għawdxin tkellmu wkoll dwar l-isfidi li qed jaffaċċjaw bħalissa fosthom il-pjaga tal-għoli tal-ħajja, it-telqa f’numru ta’ lokalitajiet kif ukoll toroq li qed idumu magħluqin għal xhur sħaħ. Dan apparti li Għawdex baqa’ mingħajr l-investiment fi sptar ġdid.

F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li mal-Għawdxin huwa qasam il-pjanijiet li għandu għal-lokalitajiet sabiex l-Għawdxin ikunu jistgħu jgħixu aħjar.

Bernard Grech qal ukoll li wara dak li ġara din il-ġimgħa, numru ta’ persuni li tkellmu miegħu kkundannaw bil-qawwa kollha l-aġir ta’ Robert Abela fil-konfront tal-ġudikatura u l-Maġistrati. Minn naħa tiegħu, Bernard Grech wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel pressjoni sabiex l-istituzzjonijiet jitħallew jagħmlu xogħolhom.

Waqt dawn iż-żjarat Bernard Grech kien akkumpanjat mill-kandidati tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, David Casa u Norma Camilleri kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino. Preżenti għal dawn iż-żjarat kien hemm ukoll numru ta’ Kunsillieri kif ukoll kandidati għall-Kunsilli Lokali.