Lokali

“Fl-għaqda hemm is-saħħa” – Bernard Grech

Waqt attività imtella’ mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wassal messaġġ pożittiv biex nibqghu nahdmu flimkien lejn il-vot tat- 8 ta’ Ġunju li ġej.

Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jistqarr illi pajjiżna għaddej minn sitwazzjoni delikata ħafna hekk kif issa l-verità ġiet pruvata fil-Qorti – b’dawk li suppost iħarsu l-interessi ta’ pajjiżna jkunu dawk f’kollużjoni ma’ Vitals u Steward għad-detriment tas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Kien hawnhekk meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar illi li issa l-verità qed tkompli toħroġ, il-poplu qed jikkonferma kemm kellha raġun Daphne Caruana Galizia illi kienet taħdem qatigħ għad-demokrazija; sabiex toħroġ il-verità kollha.

Bernard Grech fakkar fil-ħidma tal-ewro parlamentari David Casa u tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola illi ilhom snin jaħdmu għall-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament Ewropew…għal kuntrarju ta’ dak li jgħid il-Partit Laburista.

Fi kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista issa aktar minn qatt qabel il-poplu Malti u Għawdxi għandu jkun magħqud, hekk kif insista illi l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej huma elezzjonijiet importanti ferm.

Ritratt: Matthew Tabone

Fid-diskors tiegħu, David Casa spjega kif il-politika għandha tkun dik li sservi l-poplu; li tiddefendi l-interessi tan-nies.

Hu spjega illi n-nies li qed jissemmgħu li allegatament huma involuti fl-inkjesta tal-vitals u steward fosthom il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u d-Deputat Prim Ministru huma individwi li kellhom jaħdmu favur il-pajjiż u għal ġid il-poplu – iżda għal kuntrarju ta’ dan ħasbu biss fihom fihom.

Kien hawn illi fakkar li f’dan kollu dejjem għandna niftakru f’min prova javzana b’dan kollu – Daphne Caruana Galizia. U li huwa għalhekk li issa aktar minn qatt qabel il-poplu Malti u Għawdxi għandu jkun magħqud wara l-Partit Nazzjonalista.

Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-President tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonalista Roberta Metsola li f’diskors taghha tkellmet dwar il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew – 20 sena ta’ ħidma frott il-ħolma tal-Partit Nazzjonalista.

Ħolma li se nkunu qed nerġgħu nivvotaw għaliha nhar it-8 ta’ Ġunju li ġej; vot li se jsarraf fl-għażla ta’ dawk li rridu li jirrappreżentawna. U fi kliem Roberta Metsola, huwa propju għalhekk li kulħadd għandu jivvota.