Futbol Sport

Iċ-Champions Ħamrun itemmu l-istaġun bi draw kontra Hibernians

(Ritratt: Joseph Galea)

Neil Camenzuli

ĦAMRUN SPARTANS  ………………………………………1

HIBERNIANS …………………………………………………….1

Ħamrun: F.Marchetti, S.Borg (C.Rutjens 70’) J.Mbong, E.Freitas (N.Krstic 64’), U.Djuranovic (G.Vella 70’), O.Bjelicic (E.Bruno 46’), S.Paintsil, E.Marcellina, R.Camenzuli, J.Robert

Hibernians: H.Sacco, F.Apap, K.Shaw, L.Caruana (A.Attard 80’), R.Bairam (A.Rodchenko 80), B.De Souza (J.Degabriele 84’), G.Artiles, C.Bonanni, G.Bastianos (S.Zuzul 78’), R.Antwi (I.Chukunyere 80’), G.Fernandes

Imwissija: B.De Souza 78’ (H), J.Robert 78’, C.Rutjens 89′ (Ħ)

Skorjaw: J.Robert 5’,  (Ħ), R.Antwi 40’, (H)

Referee: Alex Johnson

Assistenti Referees: Duncan Spencer u Mark Ciantar

BOV Plejer tal-Logħba: Jonny Robert (Ħamrun Spartans)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Jonny Robert (Ħamrun Spartans)

Ħamrun Spartans temmew bi draw ta’ 1-1 kontra Hibernians biex b’hekk huma kisbu total ta’ 62 punt f’26 logħba. Wara l-partita komplew bi ġmielhom iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ħamruniżi fil-grawnd bil-preżentazzjoni tat-Tazza tal-Kampjonat BOV Premier, kif ukoll iktar ċelebrazzjonijiet fit-toroq bil-qofol jintlaħaq fit-toroq tal-Ħamrun flimkien mal-plejers u partitarji.

Ħamrun iddominaw mill-bidu tant kemm hu hekk li wara l-ewwel ħames minuti logħob huma diġa kienu fil-vantaġġ permezz ta’ Jonny Robert li xeħet ġewwa mill-kross ta’ Camenzuli mix-xellug.

Wara kwarta logħob Jonny Robert b’ċans li jirdoppja l-iskor meta rċieva mill-pass ta’ Djuranovic u pprova jsib ix-xibka b’xutt fil-baxx, b’ Artiles jirnexxielu jintervjeni fil-ħin perfett u jitfa’ barra għall-korner,

Fil-25 minuta Ħamrun reġgħu resqu viċin tal-gowl b’din id-darba jkun Uros Djuranovic b’xutt ċentrali mill-kaxxa jispiċċa f’idejn Sacco.

Hibernians għamlu l-iskor indaqs fl-40 minuta permezz ta’ Rodney Antwi li xeħet ġewwa mill-viċin minn kross li wasal mill-kross ta’ Kurt Shaw mil-lemin.

It-tieni taqsima totalment nieqsa mill-azzjonijiet, bl-ebda tim ma jkollu inċentiva li jattakka u jsib ix-xibka.

Fil-75 minuta ħarba tajba ta’ Paintsil li rcieva mill-ballun ta’ Mbong mil-lemin, bl-attakkant mill-Għana ma jirnexxielux ikompli l-forma tajba tiegħu ta’ gowls u kkonkluda b’mod ċentrali.

Il-partita ntemmet fi draw ta’ gowl kull wieħed, b’ Ħamruns inkurunati champions għat-tieni sena konsekuttiva u jiksbu l-ewwel stilla fuq l-arma hekk kif jirbħu l-għaxar kampjonat fl-istorja.

Ħamrun Spartans rebħu t-tieni Kampjonat infila, u l-għaxar wieħed fl-istorja (Ritratt: Joseph Galea)

Il-President ta’ Ħamrun Spartans Joseph Portelli flimkien mat-Tazza tal-Kampjonat BOV Premier (Ritratt: Joseph Galea)