Internazzjonali

Il-Brażil: 37 mejta u aktar minn 70 persuna neqsin f’għargħar li ħakem lil Rio Grande do Sul

Ritratt: Sky News

37 persuna sfaw mejta fil-Brażil, wara li n-Nofsinhar tal-pajjiż inħakem minn xita qawwija li kkawżat għargħar inkontrollabli.

L-għargħar f’Rio Grande do Sul li ħalla mhux biss 37 mejta imma anke 70 persuna nieqsa, ilu għaddej għal numru ta’ ġranet wara xita qawwija li ħakmet lil din iż-żona bil-Gvernatur tal-Istat ta’ Rio Grande do Sul jitlob l-għajnuna urġenti hekk kif spjega illi “jeħtieġ li jiġu salvati mijiet ta’ persuni”.

Skont is-Servizz Ġeoloġiku Brażiljan diversi bliet raw saħansitra l-ogħla livelli ta’ ilma sa minn 80 sena ilu u li jegħleb il-livelli li ntlaħqu fid-dulluvju li ħakem l-istess żona lura fl-1941.

Fid-dawl ta’ dan it-toroq ta’ Rio Grande do Sul issa nbidlu fi xmajjar, b’numru ta’ pontijiet jisfaw meqruda.

Intant, huwa magħruf li sa issa, minn tal-inqas 23,000 persuna kellhom jiġu riallokati kaġun tal-għargħar li ħakem iż-żona fejn huma jgħixu.