“Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan għal kull lokalità f’Għawdex dan għaliex il-Kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista se jkunu hemm għalikom l-ewwel u qabel kollox sabiex tgħix kif jixraqlek.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt it-tnedija tal-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’Għawdex bit-tema ‘Għalik’. Waqt din l-attvità Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista għandu 56 kandidat għall-Kunsilli Lokali t’Għawdex li se jaħdmu għall-ġid tar-resident.
Bernard Grech fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li welled il-Kunsilli Lokali u sostna li l-Kunsilli Lokali qegħdin hemm għar-resident sabiex ikollhom l-isbaħ lokalità possibbli. Huwa qal li l-kandidati dejjem ħadmu fl-interess tar-resident anke meta l-Kunsilliera kienu f’minoranza.
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jara li l-lokalitajiet qed jiffunzjonaw fl-aħjar mod possibbli filwaqt li jtejbu l-infrastruttura għaliex preżentament qed ikun hemm numru ta’ toroq magħluqa bil-konsegwenza li qed tinħoloq konġestjoni tat-traffiku. Bernard Grech sostna li dan qed joħloq inkonvenjent kbir għall-poplu. Huwa qal li jifhem li x-xogħol irid isir iżda ix-xogħol qatt m’għandu jsir b’detriment għar-resident.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu politika ta’ attakki – b’attakki fuq il-ġudikatura, fuq il-Maġistrati kif ukoll fuq il-media.
Bernard Grech qal li l-Kunsilliera se jaħdmu qatigħ sabiex ikollna lokalitajiet aktar nodfa bil-ġbir tal-iskart ikun aktar ta’ spiss. Dan għaliex għall-Partit Nazzjonalista r-resident dejjem ġie l-ewwel u qabel kollox.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li hemm pjan għal kull lokalità f’Għawdex bil-għan li jkunu ndirizzati l-ħtiġijiet partikolari li għandhom bżonn il-lokalitajiet. Hawnhekk, Bernard Grech sostna li dawn il-pjanijiet qed isiru sabiex il-Kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu għalik.
//= $special ?>