Lokali

Il-Ministru tal-Ġustizzja jixħet id-dubji fuq il-Maġistrat Vella u l-kontenut tal-Inkjesta Vitals

Is-Sibt filgħodu l-Gvern kompla bl-attakki sistematiċi fuq il-ġudikatura – fuq il-Maġistrat Gabriella Vella, u issa saħansitra fuq xogħlha.

Dan hekk kif mhux biss il-Labour qed jimmina l-professjonalità tal-Maġistrat Vella għas-sempliċi raġuni li proċediet u għalqet l-inkjesta tal-Vitals….imma issa qed jinxteħtu dubji serji dwar il-kontenut tal-istess inkjesta – qabel biss din ġiet ippubblikata.

Is-Sibt filgħodu f’kollegament telefoniku mal-Professur Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon tar-radju RTK, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard kompla jixħet id-dubji dwar il-kontenut tal-istess inkjesta hekk kif din tinsab f’idejn l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Għalkemm il-Ġimgħa, Bernard Grech insista li anke Robert Abela ra din l-Inkjesta.

Mistoqsi jekk għandux fiduċja fil-kontenut tal-Inkjesta Vitals, il-Ministru Attard saħaq li m’għandux serenità u stieden lill-poplu jiġġudika – fost l-istagħġib tal-Professur Azzopardi għal tali risposta.

Attakk li kompla man-narrattiva tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Labour Robert Abela li quddiem il-Qorti l-Ġimgħa filgħodu saħaq li mhux se jistrieħ fuq l-inkjesta u se jimxi bil-ġudizzju tiegħu. Filwaqt li mhux jeskludi li l-kontenut se jagħtih serħan il-moħħ.

Intant, is-Sibt filgħodu, Andrew Azzopardi staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja min hu l-establishment… b’Attard jibqa’ ma jweġibx.

Skont Robert Abela l-establishment huma l-istituzzjonijiet. U saħansitra ta’ x’jifhem li huma wkoll partijiet mill-media.

Intant, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat m’aċċettax li jattendi għal intervista fuq l-RTK. Dan minkejja li kellu stedina minn Andrew Azzopardi.