Lokali

Il-PN jawgura l-ħidma t-tajba lill-Bord tal-BCA anki jekk il-Prim Ministru jibqa’ jfarfar ir-responsabbiltà

Il-Partit Nazzjonalista jawgura l-ħidma t-tajba lill-Bord il-ġdid tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

Fl-istess ħin il-Partit Nazzjonalista, f’ġieħ il-governanza t-tajba, jibqa’ jinsisti illi, kif jista’ jagħmel skont l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, il-Prim Ministru Robert Abela, u sakemm ma għandux lil min jgħatti, għandu jordna li l-kariga ta’ Chairman tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tiżdied mal-lista ta’ karigi li jridu jitressqu għall-iskrutinju mill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Bl-istess mod u f’ġieħ it-trasparenza il-Ministru Attard għandu jispjega l-għażliet illi u jassigura li fl-ebda każ il-persuni magħżula ma għandhom konflitt ta’ interess jew xi dell ieħor ta’ nuqqas ta’ governanza tajba.

Dan huwa lanqas illi l-Gvern Laburista jista’ jagħmel biex jagħti lura lis-settur tal-kostruzzjoni ftit mill- fiduċja li ntilfet fl-aħħar 11-il sena.

L-Oppożizzjoni waqt li ser tkompli tikkritika kull fejn il-Gvern u l-awtoritajiet jonqsu, twiegħed illi ser tibqa’ tkun proattiva sabiex issir ir-riforma ħolistika u ppjanata li hemm bżonn verament u mhux bil-biċċiet u bit-tlajjar.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jagħti direzzjoni politika ċara lill-Bord mingħajr indħil żejjed.

Wara tant tibdiliet fil-Ministri u fil-bordijiet li minnhom is-settur ma bbenefika xejn, il-Partit Nazzjonalista jawgura u jittama illi dawn l-aħħar tibdiliet jibdew iġibu fis-settur l-istabbiltà u l-konsistenza waqt illi t-tmexxija tkun waħda ċara, trasparenti u ta’ governanza tajba u d-deċiżjonijiet ma jkunux arbitrarji imma jkunu bbażżati fuq konsultazzjoni wiesa’ u sħiħa.

Dan kollu ntqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister Stanley Zammit.