Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Il-poplu qed jinduna kemm Robert Abela huwa dgħajjef u mhux kredibbli” – Bernard Grech

Fid-diskors tiegħu waqt l-attività politika fil-Munxar Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech beda billi jsellem u jirringrazja lill-kandidati kollha li se jagħtu s-servizz tagħhom fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Huwa stqarr li l-Partit Laburista qata’ qalbu milli jsolvi l-problemi kbar li hawn fil-pajjiż, u kompla jżid kif il-Partit Nazzjonalista huwa differenti u jinsab lest li jisma’, u jaħdem fuq dawn il-problemi.

Bernard Grech spjega kif il-Partit Laburista huwa kommess li jisraq lill-pajjiżna, u kkonferma li dan mhuwiex qed jgħidu hu biss, madankollu għamel referenza għal dak li intqal fil-Qorti fl-aħħar ġranet. Hu nnotta li taħt it-tmexxija Nazzjonalista jistgħu jsiru bosta affarijiet ta’ ġid, fejn anke rrefera għall-iżviluppi sostenibbli li saru fil-Munxar taħt tmexxija Nazzjonalista.

Apparti minn hekk, Bernard Grech ikkundana bil-qawwa kollha l-attakki li qed isiru fuq il-Qrati tagħna, u li s-sistema tal-ġustizzja hija l-aħħar bastjun tad-demokrazija, fejn fakkar ukoll fl-attakki li saru fuq it-tlett Imħallfin li kienu qed jagħmlu l-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kif ukoll l-attakki li saru fuq il-Maġistrat responsabbli mill-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-mewt Jean Paul Sofia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkonkluda hekk kif qal li Robert Abela m’għadux kredibbli, u kif il-poplu Malti m’għadux jemmen dak li qed jgħid dan apparti li bl-aġir tiegħu qed jidher kemm hu dgħajjef.