Kultura Lokali Mużika

Imħabbra l-ispettakli mużikali f’għeluq il-25 sena tal-Għaxaq Music Festival

Hekk kif is-sħana tibda’ tagħmel tagħha u x-xahar ta’ Lulju jibda joqrob, mingħajr ma trid jiġik f’moħħok l-Għaxaq Music Festival!

Illum dan il-festival daħal sew fil-kalendarju mużikali tas-sajf Malti.  Din is-sena il-kumitat organizzattiv tal-Għaxaq Music Festival qed iħejji biex jiċċelebra l-25 Anniversarju u għaldaqstant ħaseb biex itella’ żewġ kunċerti spettakolari fil-grawnd ta’ Ħal Għaxaq, b’xalata ta’ mużika għall-gosti ta’ kullħadd.

Festival li kompla jgħolli l-livell sena wara sena, b’artisti ta’ fama internazzjonali, fosthom Johnny Logan, Boney M, UB40, Smokie, il-grupp leġġendarju The Wailers u l-kantawtur Taljan Marco Masini fost l-oħrajn. 

L-Għaxaq Music Festival jiftaħ l-Erbgħa 24 ta’Lulju bir-rebbieħ tal-Grammy Award għas-sena 2024, Julian Marley & The Uprising bit-tour mondjali ‘Colors of Royal’.  Julian Marley, it-tifel ta’ l-ikona tal-mużika reggae, il-leġġendarju Bob Marley, kompla fuq il-passi ta’ missieru u llum il-ġurnata stabillixxa lilu nnifsu bħala wieħed mill-vuċjiet l-aktar influwenti tar-reggae. 

Lestu ruħkom għar-ritmu u melodiji li jsaħħrukom u l-ħoss infettiv ta’ l-aqwa reggae hekk kif Julian Marley jagħti spettaklu lill-folla b’taħlita ta’ hits ġodda bħal ‘Boom Draw’, ‘Systems’ u ‘Lemme Go’ kif ukoll oħrajn klassiċi bħal ‘Exodus’, ‘One Love’, ‘Three Little Birds’ u ‘Could You Be Loved’ li jservu ta’ tribute indimentikabbli lil Bob Marley.  Esperjenza tal-ħolm u tassew mużika inkredibbli, li żgur mhux ta’ min jitlifha!

Imma l-eċċitament ma jispiċċax hemm! Is-Sibt, 27 ta’ Lulju, ħejju ruħkom għall-wasla tas-sensazzjoni tal-mużika pop, l-Irlandiż, Ronan Keating, li lest li jagħti serata mill-aqwa lill-udjenza bis-suċċessi tiegħu ta’ l-ogħla livell. 

Miż-żmien bħala l-kantant ewlieni tal-band popolari mis-snin 90, Boyzone,  b’kanzunetti bħal ‘No Matter What’ u l-famuża ‘Love Me For A Reason’, għall-karriera mimlija suċċessi bħala solo, bid-diski ‘When You Say Nothing At All’, ‘Life Is A Rollercoster’ u ‘If Tomorrow Never Comes’, Ronan Keating iwiegħed li jagħti setlist ippakkjata b’nostalġija, imħabba u perfezzjoni.

U dan mhux kollox! L-Għaxaq Music Festival se jgħaqqad ukoll l-aqwa artisti, bands, u DJs lokali, u jiżgura lineup varjat u dinamiku. 

Il-biljetti ser ikunu jistgħu jinxtraw minn fuq showshappening.com minn nhar it-Tnejn 6 ta’ Mejju fil-11:00am. Bħas-snin ta’ qabel, parti mid-dħul għal dawn il-kunċerti huwa b’xejn iżda l-pubbliku se jkun imħeġġeġ jagħti donazzjoni b’risq l-organizzazzjoni Embrace Diversity, organizzazzjoni volontarja għat-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità.

Immarkaw il-kalendarju tagħkom u lestu ruħkom għal lejl ta’ mużika, memorji u maġija! Aktar dettalji fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook Għaxaq Music Festival fil-ġimgħat li ġejjin.