Raġel inżamm arrestat wara li kien mixli li sawwat lis-sieħba tiegħu.
Raġel ta’ 63 sena residenti Wied il-Għajn inżamm arrestat wara li kien mixli li sawwat lis-sieħba tiegħu wara li talbitu l-flus.
Ir-raġel li l’identità tiegħu ma tistax tixxandar biex ma tinkixifx l’identità tal-mara huwa pensjonant mixli li ħebb għall-mara, li kkaġunalha ġrieħi ħfief u li żamma kontra r-rieda tagħha, dan kollu filwaqt li fl-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena seraq mobile bi vjolenza f’Ħaż Żabbar u li dan l-att sar bi ħsara għal persuna li għalqet is-60 sena.
F’dan il-każ il-prosekuzzjoni spjegat lill-Qorti kif kienet il-mara stess li għamlet rapport lill-pulizija dwar dan il-każ. U meta r-raġel ġie mitkellem mill-pulizija huwa qalilhom li kien tahha refuġju fi propjetà tiegħu minħabba li ma kellhiex residenza fejn toqgħod – iżda minkejja dan hi bdiet titolbu l-flus.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u talab il-ħelsien mill-arrest – ħelsien li kien oġġezzjonat mill-prosekuzzjoni minħabba l-fatt li għadha trid tixhed il-vittma.
Il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-mara.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Colin Sheldon u Kurt Farrugia.
//= $special ?>