Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Kapaċi noħolqu mewġa ta’ bidla f’Għawdex bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea” – Peter Agius

Fid-diskors tiegħu fil-Munxar Għawdex, il-kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius beda billi jfakkar u rringrazja l-ħidma tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll lill-kandidati kollha tal-kunsilli u tal-Parlament Ewropew.

Agius stqarr li ilu ‘il fuq minn ħames snin jaħdem għal din l-elezzjoni, u kompla jżid li Għawdex dejjem jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista, fejn semma anke l-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea għal Għawdex.

Fid-diskors tiegħu Agius enfasizza fuq kif il-Gvern tal-Labour ma jagħtix l-attenzjoni li hemm bżonn għal din il-gżira tant prezzjuża, u qal li bl-għajnuna tiegħu u tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista jistgħu jaħdmu tajjeb mal-Unjoni Ewropea għal ġid ta’ Għawdex.

Huwa kkonkluda li fit-8 ta’ Ġunju, il-votanti kapaċi joħolqu mewġa ta’ bidla f’Għawdex billi juru l-fiduċja tiegħu fil-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.