Lokali

L-Avukat Ġenerali għandha tippubblika l-Inkjesta Vitals – PN

Lesti nieħdu azzjoni legali jekk l-Avukat Ġenerali tibqa’ tiddiskrimina kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-poplu Malti u Għawdxi

L-Avukat Ġenerali għandha minnufih tippubblika l-inkjesta Vitals biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun infurmat x’ikkonkludiet l-inkjesta dwar l-akbar frodi fl-istorja politika ta’ pajjiżna.

Dan sostnieh ix-Shadow Minister Karol Aquilina fi stqarrija.

Id-dikjarazzjonjiet pubbliċi li għamlu l-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ġustizzja juru biċ-ċar li huma għandhom aċċess għall-inkjesta Vitals u qed jużaw dak li jafu għal skopijiet politiċi u elettorali. L-inkjesta Vitals spiċċat għand l-establishment ta’ Kastilja bis-saħħa tal-Avukat Ġenerali li ilha s-snin tiġi kkontrollata minn Kastilja u toqgħod għal dak kollu li jgħidu l-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ġustizzja.

L-Avukat Ġenerali qed twettaq diskriminazzjoni kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni u kontra l-kontra l-poplu Malti u Għawdxi meta tibqa’ ma tippubblikax l-inkjesta Vitals u minflok qed tagħti aċċess għaliha biss lill-Prim Ministru u lil dawk ta’ madwaru.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Qorti Kostituzzjonali diġà sabet lill-Avukat Ġenerali ħati ta’ ksur tal-liġi u tad-drittijiet fundamentali ta’ Dr Adrian Delia, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, meta rrifjuta li jagħtih kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant u dan minkejja li l-Avukat Ġenerali kien diġà għadda kopja tagħha lil Joseph Muscat, lill-avukat Pawlu Lia u lill-Ministru għall-Ġustizzja. Il-kopja tal-inkjesta Egrant kienet spiċċat ukoll f’idejn diversi Ministru u persuni oħra f’Kastilja.

Il-Partit Nazzjonalista mhux ser jaċċetta u jippermetti li din is-sitwazzjoni terġa’ tirrepeti ruħha u għalhekk qiegħed minn issa pubblikament jagħmilha ċara li lest jieħu l-azzjonijiet kollha disponibbli għalih skont il-liġijiet ta’ pajjiżna biex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu f’idejh kopja tal-Inkjesta Vitals.