Kien lejl mifni b’attakk wara l-ieħor f’diversi reġjuni fl-Ukrajna, hekk kif il-qawwiet Russi bagħtu numru ta’ drones lejn il-fronti tal-gwerra – b’sitt persuni jġarrbu l-ġrieħi kaġun ta’ dawn l-attakki.
Il-forzi tal-ajru Ukreni qalu li rnexxielhom iwaqqgħu tal-anqas 13-il drone, iżda numru ta’ binjiet kummerċjali kif ukoll residenzjali fir-reġjun ta’ Kharkiv u Dnipro inqerdu għal kollox.
Dan apparti li l-qawwiet Ukreni affaċċjaw tal-anqas 60 attakk f’villaġġi qrib Avdiivka u Bakhmut.
Filmati li dehru fuq il-midja soċjali urew numru ta’ pumpiera jaħdmu qatigħ sabiex jitfu n-nirien li ħakem il-bini tal-madwar kaġun tal-attakki.
Fi żviluppi oħra, kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet barranin qal li l-fatt li n-NATO kompliet bl-eżerċizzji militari qrib il-fruntiera tar-Russja hija indikazzjoni ċara li din l-alleanza qed tipprepara għal gwerra ma’ Moska.
Jidher ukoll li l-fażi li jmiss minn dawn l-eżerċizzji – li qed isiru fuq perjodu ta’ 4 xhur – se ssir matul ix-xahar ta’ Mejju, u se tinkludi tal-anqas 90,000 suldat tan-NATO.
//= $special ?>