Futbol Sport

Rebħiet kbar għal Arsenal u Manchester City

(Ritratt: EPA)

Rebħiet għal Arsenal u Manchester City biex komplew jissieltu għall-ewwel post fil-klassifika. Iż-żewġ timijiet kisbu rebħiet kbar, b’ Arsenal jegħlbu lil Bournemouth 3-0 fl-Emirates, filwaqt li Manchester City rebħu bl-iskor ta’ 5-1 fuq Wolverhampton Wanderers.

Arsenal qed jokkupaw l-ewwel post wara 36 partita u total ta’ 83 punt, filwaqt li s-Citizens jinsabu fit-tieni post b’82 punt u lagħbu logħba inqas.

Fl-Emirates, Bukayo Saka fetaħ l-iskor fl-aħħar sekondi tal-ewwel taqsima meta kkonverta l-penalty tiegħu, b’ Arsenal jistennew sas-80 minuta biex irdoppjaw l-iskor permezz ta’ Leandro Trossard li xeħet ġewwa mis-suġġeriment ta’ Rice.

Kompliet il-partita tajba ta’ Rice meta ssiġilla r-rebħa fis-97 minuta.

Dominju totali minn Manchester City kontra Wolves b’ Erling Haaland jiskorja 4 gowls fir-rebħa ta’ 5-1, u kabbar id-distakk f’ras il-klassifika tal-aqwa skorer b’25 gowls, 5 gowls iktar minn Cole Palmer li għandu 20 gowl.

Il- gowls għal Haaland waslu fit-12-il minuta minn penalty, fil-35 minuta, u penalty ieħor fl-aħħar mumenti tal-ewwel taqsima, bin-Norveġiż isib ix-xibka ukoll fit-tieni taqsima.

Julian Alvarez kien l-awtur tal-gowl l-ieħor tas-Citizens, filwaqt li Hwang Hee-Chan skorja gowl għal Wolves fit-53 minuta.

Kompla l-istaġun ħażin ta’ Burnley meta sofrew telfa fit-Turf Moor kontra Newcastle United ta’ 4-1.

L-ewwel gowl tal-Magpies wasal wara 19-il minuta permezz ta’ Callum Wilson, segwit minn gowl ta’ Sean Longstaff fil-35 minuta.

Bruno Guimaraes sab ix-xibka fl-40 minuta għat-tielet gowl, B’Alexander Isak ipatti tal-penalty li falla fit-52 minuta b’gowl tlett minuti wara.

Burnley skorjaw gowl ta’ konsolazzjoni fis-86 minuta permezz ta’ Dara O’Shea.

Sheffield United fallew milli jirbħu r-raba’ partita staġjonali meta tilfu f’darhom kontra Nottingham Forest bl-iskor ta’ 3-1. Tlett punti kruċjali għat-Tricky Trees li telgħu fis-17-il post b’29 punt wara 36 logħba, tlett punti fuq Luton Town li temmew fi draw ta’ 1-1 kontra Everton il-Ġimgħa.

Ben Brereton Diaz sab ix-xibka l-ewwel għal Sheffield wara 17-il minuta minn penalty.

Nottingham għamlu l-iskor indaqs wara 10 minuti permezz tal-eks Chelsea Callum Hudson-Odoi, biex Ryan Yates ta l-vantaġġ lit-tim tiegħu fil-51 minuta.

Brentford  u Fulham temmew fi draw ta’ bla gowls.

PREMIER LEAGUE
Il-Ġimgħa
Luton T. v Everton 1-1
Illum
Arsenal v B’mouth 3-0
Brentford v Fulham 0-0
Burnley v Newcastle 1-4
Sheffield v Nottingham 1-3
Man.City v Wolves 5-1
Għada
Brighton v Villa 3:00pm
Chelsea v WHU 3:00pm
Liverpool v Tottenham 5:30pm
It-Tnejn
C.Palace v Man.Utd 9:00pm