Lokali

“Sitwazzjoni perikoluża; Abela u Muscat qed isaħħnu l-irjus” – Robert Aquilina

“Nappella għal kalma; taqgħux għall-provokazzjoni”

Robert Abela u Joseph Muscat qed jinsistu b’narrattiva perikoluża li taf iġġelled Malti ma’ Malti – żommu l-kalma, u ibqgħu viġilanti.

Sostna dan il-President Onorarju tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina meta l-Ġimgħa filgħaxija kien mistieden waqt il-programm Opinjoni fuq Net Television fejn saħaq li l-Prim Ministru qed iqiegħed lill-pajjiżna f’sitwazzjoni irresponsabbli – tant li saħansitra wasal biex iqabbel dan id-diskors ma’ kolp ta’ stat fuq il-ġudikatura.

Robert Aquilina insista li l-konklużjonijiet ta’ din l-inkjesta tal-isptarijiet għandhom jiġu ppubblikati hekk kif il-poplu għandu dritt ikun jaf insteraqx. Xi ħaġa li anke l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti dwarha, biex din l-Inkjesta tkun pubblika.

Huwa sostna li Abela għandu jifhem li hu m’għandu l-ebda dritt fuq l-awtorità tal-Qrati; anzi insista li l-poplu għandu bżonn ikun jaf il-konklużjonijiet tal-inkjesta u l-verità qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.

Aquilina stqarr li n-narrattiva ta’ Abela tinjora kwalunkwe tip ta’ konklużjoni tal-inkjesta jekk tmur kontra sħabu; u se jagħmilha ta’ imperatur li jiddeċiedi li jfarfar minn kull responsabbilta politika.

Robert Aquilina saħaq li d-domanda fl-aħħar mill-aħħar hija waħda: jekk Joseph Muscat u ta madwaru serqux il-poplu jew le.

Finalment huwa appella biex minkejja d-diskorsi ta’ mibgħeda – irresponsabbli u perikoluż – il-poplu għandu jibqa’ kalm iżda viġilanti.