Lokali

ALS Malta b’verżjoni ġdida tal-kanzunetta Sa L-Aħħar ta’ Fabrizio Faniello

Fl-1999, Fabrizio Faniello, li għal dak iż-żmien kien wiċċ ġdid fix-xena lokali, kien rebaħ il-Festival Kanzunetta Maltija b’Sa L-Aħħar. Kanzunetta li tibqa’ popolari ferm fir-repertorju tal-kantant Malti. Għaddew 25 sena mill-kanzunetta, u għal dan l-anniversarju speċjali, it-tim ta’ ALS Malta ħaseb li jniedi verżjoni ġdida ta’ din il-kanzunetta li ser tintuża għall-maratona ta’ din is-sena, b’risq DAR Bjorn li ser issir fit-22 ta’ Settembru.

‘Sal-Aħħar Nifs’ ġiet mnedija s-Sibt, 4 ta’ Mejju, fl-ewwel anniversarju ta’ DAR Bjorn Żebbuġ. Bjorn jgħidilna; “Għażilna din il-kanzunetta għax titkellem fuq l-imħabba li wieħed jagħti sal-aħħar nifs għal xi ħaġa li tħobb. Filkaż tiegħi għax żewġ affarijiet għal qalbi, l-mara tiegħi Maria u l-fondazzjoni tagħna li biha qed ngħinu mijiet ta’ residenti b’mard newreloġiku. Mhemm xejn isbaħ milli tagħti ħinek u saħħtek biex tgħin lill-marid, sal-aħħar nifs”.

Fuq arranġament ġdid tal-kompożitur Philip Vella u t-tifel tiegħu Sean Vella, nistgħu nibdew ingawdu verżjoni ġdida ta’ ‘Sal-Aħħar Nifs’, issa ftit iktar moderna u ħoss ġdid. Tingħaqad ma’ Fabrizio, f’din il-kanzunetta leġġendarja hemm oħtu Claudia. Claudia u Fabrizio kienu kantaw din il-kanzunetta b’mod uffiċjali fuq il-palk ta’ Mużika Mużika fl-2023.

F’din il-verżjoni ġdida jingħaqad Owen Leuellen li jagħti dimensjoni ġdida għal din il-kanzunetta. “Xħin smajt lil Owen ikanta mad-diska, ġismi qam xewk xewk. Ma stajtx nemmen kif 25 sena wara għadna nisimgħu din il-kanzunetta li ġabitli ħafna suċċess. ‘Sal-Aħħar Nifs’ issa hija aktar għal qalbi għax biha ser inkunu nistgħu ngħinu lil DAR Bjorn” jgħid Fabrizio.

Il-vidjo mużikali tal-kanzunetta ġie maħdum f’DAR Bjorn Żebbuġ u t-trio kantaw l-ewwel darba din il-kanzunetta ġewwa DAR Bjorn Żebbuġ fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju quddiem ir-residenti.