Lokali

ANALIŻI: Robert Abela qed juża r-retorika perikoluża ta’ Trump

Ir-retorika li juża l-Eks President Amerikan Donald Trump issa qed tintuża minn Robert Abela meta jgħid li l-Qorti qed twettaq terroriżmu politiku. U dan jista’ jwassal għal attakki fuq l-istituzzjonijiet; l-istess bħalma kien ġara meta numru ta’ Amerikani attakkaw il-Capitol fis-6 ta’ Jannar tal-2021.

Kienet din l-analiżi li għamel l-editorjal tas-Sunday Times of Malta meta fisser kif Robert Abela, bl-attitudni li qed jieħu, qed jinsa li hu Prim Ministru – u li fuq kollox huwa wkoll avukat.

L-editorjal spjega kif meta Robert Abela dawwar il-kanuni fuq il-Maġistrat li għalqet l-Inkjesta Vitals, huwa beda juża r-retorika li kien uża Trump, meta ma kienx aċċetta r-riżultati eletorali – retorika li kienet waslet għal protesti vjolenti. Għalhekk, jekk din ir-retorika tipperesisti fil-jiem li ġejjin meta l-irjus jibdew jisħnu, tista’ fil-fatt twassal għal xeni simili bħal dawk li rajna fl-Amerika tliet snin ilu – meta ntilef kull kontroll u rajna xeni ta’ vjolenza.

Fil-preżent, Trump qed jiddomina l-aħbarijiet hekk kif kontinwament qed jgħid li l-akkużi li qed jaffaċċja fil-Qorti huma akkużi fabbrikati biex itellfuh l-elezzjoni – l-istess kif qed jgħid Abela f’pajjiżna.

L-editorjal innota kif il-Prim Ministru Malti mhux talli uża l-istess retorika, talli qal ukoll li r-riżultat tal-elezzjoni jiswa aktar mill-konklużjonijiet tal-Inkjetsa Vitals. L-editur jgħid li minkejja li l-poplu għandu dritt jagħżel min jiggvernah, dan m’għandu qatt id-dritt li jagħżel min jiġi mħarrek u min le.

Tattika oħra li Robert Abela ħa minn Trump hija li l-“establisment” qed jaħdem kontra l-Gvern; l-istess retorika li kien juża Joseph Muscat meta kien jgħid li huwa l-underdog li kontinwament jitħabat mal-establishment li qed jaħdem kontrih.

L-editorjal tat-Times jgħid li ma jistax jifhem kif il-Partit Labursita ilu 11-il sena fil-Gvern u rnexxilu jaħtaf kull awtorità u istituzzjoni; u inkredibilment  jirnexxilu jikkonvinci lin-nies li xi “establishment”  qed jikkontrolla l-poplu. Dan meta l-establishment, kif qal is-sit LovinMalta riċentament, mhuwa ħadd ħlief Robert Abela innifsu.