Futbol Internazzjonali

Arġentina: Imut l-eks manager leġġendarju Cesar Luis Menotti li fl-1978 mexxa lil pajjiżu għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja

L-eks manager  tal-Arġentina, Cesar Luis Menotti, li jibqa’ imsemmi fost l-aktar managers kariżmatiċi fl-istorja tal-futbol internazzjonali, miet fl-età ta’ 85 sena.

Menotti, famuż ukoll bħala ‘chain smoker’ (kien ammetta hu stess li ma setax jimmaġina ħajtu mingħajr ma jqabbad sigarett) mexxa lill-Arġentina għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fit-tournament li sar f’pajjiżu fis-sajf tal-1978 u fi żmien meta l-Arġentina kienet immexxija mill-ġunta militari tal-Ġeneral Leopoldo Galtieri.

Intant,  Menotti, li  fl-aħħar xhur kien qed ibati minn diversi problemi fiżiċi,  kien ilu l-aħħar ġimgħat miżmum l-isptar għall-effetti ta’ anemia serja. Hu mifhum, intant,  li mewtu hi dovuta għall-kumplikazzjonijiet relatati ma’ din il-kundizzjoni.

Ir-rebħa tal-Arġentina fl-1978 kienet kontroversjali għal diversi raġunijiet u meta kien hemm għajdut – mhux issostanzjati – li l-Ġunta fi Buenos Aires kien għamel minn kollox biex jaċċerta li t-Tazza tad-Dinja ma toħroġx minn pajjiżu.

Fil-fatt għadhom sal-lum jissemmew l-għajdut  relatati mas-semifinali bejn l-Arġentina u l-Perù – minbarra  ‘l-merti’ tal-Arġentini li kienu rebħu bl-iskor tennistiku ta’ 6-0 – skor  perfett li permezz tiegħu il-‘biancoceleste’ setgħu jikkonfrontaw lill-Olanda fil-finali għall-ispejjeż tal-Brażil li nqalgħu bid-differenza ta’ gowls inferjuri.

L-Arġentina – li dak iż-żmien kellha lill-attakkant Mario Kempes bħala l-istilla prinċipali – rebħet il-finali kontra l-Olanda bl-iskor ta’ 3-1 wara l-ħin barrani, b’Kempes jiskorja doppjetta u bil-gowl l-ieħor jasal minn Daniel Bertoni.

Minkejja l-kontroversja ftit hemm dubju li l-Arġentini kellhom plejers oħra ta’ klassi mondjali fl-iskwadra bħad-difensur u captain Daniel Passarella, l-attakkanti Leopoldo Luque u Oscar Ortiz, il-midfielders Oswaldo Ardiles u Ricky Villa (li t-tnejn spiċċaw ma’ Tottenham fil-league Ingliż), il-fullback Alberto Tarantini u l-gowlkiper Ubaldo Fillol.

Is-suċċess fl-1978 kien ukoll l-ewwel wieħed għall-Arġentina fuq livell globali iżda jibqa’ anki punt ieħor interessanti.

Dan meta Cesar Luis Menotti ma kienx għażel lil żagħżugħ ferm promettenti – bl-isem Diego Armando Maradona – mal-iskwadra għaliex ikkunsidrah żgħir wisq biex jilgħab taħt dik il-pressjoni kollha. Dan minkejja li Maradona kien iddebutta fil-kampjonat mal-Argentinos Juniors fl-età ta’ 15-il sena minbarra li lagħab ukoll l-ewwel logħba kompetittiva tiegħu bil-flokk tal-Arġentina proprju sentejn wara.