Elezzjonijiet 2024 Lokali

DALGĦODU: Bernard Grech fil-Belt Valletta – tkompli l-kampanja pożittiva tal-PN qalb in-nies, f’kull belt u raħal

Minn Għawdex għal Malta; ma taqta’ xejn il-ħidma tal-PN f’din il-kampanja li issa tkompli tintensifika ruħha b’aktar attivitajiet u avvenimenti indirizzati mill-Kap tal-PN Bernard Grech li qed iqatta’ ġranet sħaħ qalb in-nies – jisma’ dak li għandhom xi jgħidu l-familji, l-anzjani, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema. Bil-Partit Nazzjonalista joffri soluzzjonijiet għall-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

Dalgħodu, il-kampanja “Għalik” se tkompli fil-Belt Valletta, fejn hemmhekk Bernard Grech se jindirizza laqgħa ta’ djalogu.

Il-Belt Valletta issa ilha ħames snin bi tmexxija Laburista. U dan il-perijodu ġab miegħu ħafna problemi – kemm għar-residenti kif ukoll għas-sidien tal-ħwienet; bl-aktar miżura kontroversjali tkun dik tal-mużika bil-lejl – iżda mhux biss. Dan għaliex kien hemm issues kbar ta’ ħmieġ, nuqqas ta’ infurzar, u nuqqas kbir ta’ konsultazzjoni mar-residenti.