Lokali

“Hemm bżonn li tiġi ppubblikata l-Inkjesta ta’ Vitals għaliex il-poplu għandu d-dritt li jkun jaf il-verità kollha” – Bernard Grech

Quddiem l-għoli tal-ħajja, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Gvern Laburista missu jagħraf li l-poplu Malti u Għawdxi ilu x-xhur jitkarrab hekk kif mhux qed jirnexxielu jasal sal-aħħar tax-xahar. Gvern Laburista li għażel li minflok jgħin liċ-ċittadin Maltin, minflok berbaq il-miljuni fuq il-barranin.

Dan qalu meta kien qed jindirizza laqgħa ta’ djalogu li saret dalgħodu fil-Belt Valletta għall-kampanja “Għalik” bi tħejjija għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.

Bernard Grech appella biex il-Gvern ta’ Robert Abela jassigura li l-Inkejsta Maġisterjali li saret b’rabta ma’ Vital,s tiġi ppubblikata minnufih sabiex insiru nafu l-verità kollha u nieħdu lura l-miljuni ta’ ewro mberbqa fuq il-barranin.

“Hemm bżonn li tiġi ppubblikata l-Inkjesta għaliex il-poplu għandu d-dritt li jkun jaf il-verità kollha,” qal Bernard Grech.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal kif dan il-Gvern, kemm il-kabinett u anke membri tiegħu fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin, nesa kompletament lill-poplu Malti b’riżultat li ħalla telqa kbira. Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jaħdem favur iċ-ċittadini biex jassigura li jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt.