Lokali

“Iffjurit bil-Ward Imfewwaħ” organizzata f’Ħ’Attard

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard organizza għat-tieni sena, attività kulturali fi Triq San Anton bl-isem “Iffjurit bil-Ward Imfewwaħ” li fiha pparteċipaw bosta artisti lokali u barranin.

Il-parteċipanti ppreżentaw diversi pitturi, skulturi, arti u artiġġjanat, kif spjega l-organizzatur ta’ din l-attività, Paul Chetcuti.

Kull min attenda seta’ jgawdi wkoll minn mużika live u divertiment, kif ukoll seta’ jixtri mid-diversi stands tal-ikel u xorb. Kien hemm ukoll attrazzjonijiet tat-tfal. Dawn l-attivitajiet ġew fi tmiemhom fil-5pm.

Wara din l-attività, Net News żar ukoll Ġnien l-Istazzjon li jinsab fl-istess triq ta’ fejn kien hemm l-attivitajiet għaddejjin. Dan il-ġnien ġie rinovat ġimagħtejn ilu, u issa jinsab miftuħ għall-pubbliku, kif spjega magħna s-Sindku ta’ Ħ’Attard, Stefan Cordina.

Stefan Cordina spjega magħna kif dan il-proġett kien possibbli grazzi għall-fondi Ewropej li ngħataw lill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard.