Internazzjonali

Il-Brażil: Jiżdiedu l-vittmi tal-għargħar u l-valangi….fost il-pronostiku ta’ aktar xita

L-awtoritajiet fl-Istat ta’ Rio Grande do Sul ma jeskludux li l-vittmi tal-għargħar u l-valangi tal-art massiċċi li ddominaw l-inħawi fl-aħħar jiem qabżu sew il-mija – u meta anki fadal l-għexieren tan-neqsin.

Intant mhux maħsub li l-vera ċifra tal-vittmi tkun magħrufa qabel jgħaddu diversi jiem u wara li ‘il fuq minn 30,000, fl-aħħar ġimgħa, kienu kostretti li jaħarbu minn djarhom b’kaġun tal-elementi.

L-elementi inkwistjoni nħolqu mill-jiem ta’ xita konsekuttivi u mistenni li l-kalvarju għar-residenti ta; Rio Grande de Sol għandu jkompli anki matul il-jiem li ġejjin…Dan meta talanqas nofs-miljun resident spiċċaw mingħajr dawl u ilma nadif għax-xorb wara t-temp estrem ikkaġunat minn temperaturi ħafna aktar għojin minn tas-snin preċedent…Sitwazzjoni li qed tkun anki kumplikata mil- livelli għoljin ‘storiċi’ tal-umdità u l-irwiefen qawwija.

Aktar min-nofs l-497 belt ta’ dan  l-Istat, lejn in-Nofsinar tal-Brażil, kienu affettwati mill-maltempati li anki qerdu ammont sinifikanti ta’ infrastruttura – inklużi l-pontijiet u t-toroq prinċipali.

Kien hemm ukoll traġedja partikulari viċin il-belt ta’ Bento Goncalves meta l-maltemp ikkaġuna l-valangi tal-art li wasslu għall-kroll ta’  diga tal-ħidro-elettriku – bil-konsegwenza li mietu talanqas 30.

Intant, fl-aħħar sigħat kien hemm ukoll il-periklu li tikkrolla diga oħra minħabba l-livelli għoljin tal-għargħar fl-inħawi.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet f’Porto Alegre, il-kapitali reġjonali ta’ Rio Grande do Sul, iddikjaraw emerġenza wara li l-ilma mix-Xmara Guaiba faqgħet l-artijiet u t-toroq – b’diversi neighbourhoods jispiċċaw mgħarrqin kompletament. Dan waqt li l-ajruport internazzjonali f’Porto Alegre ħabbar li kien qed jissospendi t-titjiriet kollha għal żmien mhux determinat.