Internazzjonali

Il-Ġermanja: L-aggrediment ta’ MEP imfisser bħala ‘attakk fuq id-demokrazija’

Il-Kanċillier Ġermaniż, Olaf Scholz, ikkundanna l-attakk fiżiku li sar nhar il-Ġimgħa fuq Matthias Ecke, bħalu membru tal-Partit Soċjal Demokratiku (SPD) u b’Scholz anki jfisser l-azzjoni bħala theddida għad-demokrazija.

Ecke, li hu kandidat ewlieni tal-SPD fl-elezzjonijiet għall-Parlament tal-Ewropa kien spiċċa aggredit u midrub serjament minn persuni li ħebbew għalih waqt li hu kien qed iwaħħal il-posters fl-inħawi ta’ Dresden.

Matthias Ecke, li għandu 41 sena, hu wkoll il-kandidat ewlieni tal-SPD fl-Istat ta’ Sassonja, u l-ġrieħi li ġarrab fl-attakk kienu tant serji li hu kellu jgħaddi minnufih minn intervent kirurġiku.

Mhux magħruf għalfejn hu spiċċa mira għall-aggressjoni – bil-Kanċillier Scholz jesiġi biex il-partiti kollha ta’ kwalunkwe denominazzjoni jwasslu messaġġ determinat kontra l-vjolenza filwaqt li jopponuha flimkien, akkost ta’ kollox.