Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Iż-żagħżagħ għandhom ifasslu l-futur tagħhom stess” – Miriana Testaferrata de Noto

Fid-diskors tagħha fil-Belt, il-kandidat tal-PN għall-MEPs Miriana Testaferrata de Noto semmiet kif hemm diversi familji li mhux qed jaslu sal-aħħar tax-xahar, u kif minħabba li l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa saru iżjed inaċċessabbli, dawn il-familji ma jistgħux jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa li għandhom bżonn, hekk kif ma jaffordawx iħallsu għall-servizzi privati.

Hi sostniet li hemm bżonn li d-drittijiet tal-bnedmin jiġu mħarsa, kif ukoll li ma jkun hemm ħadd fuq il-liġi, iżda li l-liġi għandha tkun ugwali għall-kulħadd.

Kompliet billi tgħid li l-politika hi għodda sabiħa jekk tintuża sew – b’mod li tipproteġi d-drittijiet tal-bnedmin kollha permezz ta’ azzjoni kollettiva.

Miriana Testaferrata de Noto appellat sabiex iż-żagħżagħ isemmgħu leħinhom, biex huma jfasslu l-futur tagħhom stess – futur sostennibli li għandu wkoll prijorita’ lejn l-ambjent.

Hi tenniet billi tgħid li hemm bżonn li l-poplu jingħaqad bħala kommunita waħda sabiex dawn il-problemi jiġu ndirizzati biex verament niksbu futur aħjar għal poplu Malti u Għawdxi kollu.