Lokali

James Cauchi kellu l-opportunità li jikkontesta f’isem il-Partit Nazzjonalista iżda l-attitudni tiegħu qatt ma nbidlet

B’referenza għall-alegazzjonijiet li għamel James Cauchi kemm fuq il-midja soċjali kif ukoll fuq midja oħra.

Tul l-aħħar snin partikolarment minn qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali, James Cauchi ħeġġeġ lin-nies b’mod ripetut sabiex jivvutaw lill-kandidati li kienu qed jikkontestaw fuq il-lista tal-Partit Laburista. Dan sar kemm permezz tal-media soċjali kif ukoll billi attenda għal attivitajiet tal-kandidata llum Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli. Fl-istess ħin, James Cauchi kien qed jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista bħala Kunsillier Lokali f’Bormla.

Minkejja li nġibdet l-attenzjoni ta’ James Cauchi minn uffiċjali tal-Partit li tali atittudni ma kienetx konformi ma’ dak mistenni mill-Partit, huwa baqa repetutament anke wara l-Elezzjoni Ġenerali jippersisti f’din l-attitudni. Minkejja dan, il-Partit Nazzjonalista ħass li b’rieda tajba, jinkludieh u jistaqsih jekk kellux intenzjoni li jerga jikkontesta mal-Partit Nazzjonalista bit-tama li l-attitudni ta’ Cauchi tinbidel u allura jerġa’ jikkontesta mal-Partit Nazzjonalista. Din l-email intbagħtet lill-Kunsillieri kollha preżenti li jirrappreżentaw lill-Partit.

Għal din l-email, James Cauchi baqa’ għal xhur sħaħ ma esprimiex l-intenzjoni tiegħu jekk hux ser jikkontesta filwaqt li baqa’ għaddej bl-istess messaġġi fuq il-media soċjali b’mod partikolari tal-cross party voting, jiġifieri jħeħħeġ lin-nies jivvutaw liż-żewġ partiti.

Wara li għaddha ż-żmien, James Cauchi talab lis-Segretarju Ġenerali sabiex jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni. Din it-talba ġiet diskussa fil-Kumitat Amministrattiv tal-Partit fid-dawl anke tal-mod kif kien qed iġib ruħu repetutament fil-pubbliku u li tajjeb jingħad li tali aġir jikser b’mod lampanti l-istatut tal-istess Partit.

L-Amministrattiv tal-Partit iddeċieda li James Cauchi m’għandux jikkontesta minħabba r-raġunijiet imsemmija.

Dak li ġara fl-aħħar jumejn jgħatu prova ta’ kemm kellu raġun l-Amministrattiv ma jaċċettax in-nomina ta’ James Cauchi minħabba nuqqas ta’ lealtà lejn il-Partit. Minkejja dan kollu, bi prudenza kbira, il-Partit Nazzjonalista baqa sieket u baqa lura mill-jikkummenta iżda galadarba James Cauchi ħass li kellu jmur fil-pubbliku, il-Partit Nazzjonalista ma kellux alternattiva oħra ħlief li jgħid il-fatti kif seħħew.