Futbol Sport

Milan miżmuma minn Genoa… draw li ma jiggwadanja ħadd bejn Juventus u Roma

(Ritratt: EPA)

Fl-iktar partita mistennija tal-ġurnata, fi Stadio Olimpico Juventus dawru telfa fi draw ta’ 1-1 kontra Roma.
Il-Giallorossi fetħu l-iskor wara kwarta logħob permezz ta’ Romelu Lukaku li skorja l-ewwel gowl fis-Serie A wara 4 xhur, u t-12-il gowl staġjonali.
Il-Bianconeri għamlu l-iskor indaqs fil-31 minuta permezz ta’ Gleison Bremer li xeħet ġewwa bir-ras mill-kross ta’ Chiesa.

F’ San Siro, riżultat diżappuntanti għal Milan hekk kif ġew miżmuma minn Genoa 3-3.
Bidu ħażin immens għar-Rossoneri hekk kif l-istilla tat-tim ta’ Genoa, Mateo Retegui, fetaħ l-iskor wara 5 minuti logħob minn penalty.

Milan damu sal-45 minuta biex skorjaw il-gowl tad-draw, meta kien id-difensur laterali Alessandro Florenzi li xeħet ġewwa bir-ras mill-viċin mill-kross mil-lemin ta’ Chukuwueze.
Genoa ħarġu fuq l-offensiva fit-tieni taqsima, tant kemm hu hekk li fit-48 minuta reġgħu ħadu l-vantaġġ permezz ta’ Caleb Ekuban.

Milan ġabu d-draw u ħadu l-vantaġġ f’temp ta’ tliet minuti meta l-ewwel kien Mattia Gabbia li fit-72 minuta skorja gowl akrobatiku mill-kross ta’ Florenzi, b’ Olivier Giroud jagħti l-vantaġġ lit-tim tiegħu fil-75 minuta.

Genoa sabu x-xibka għall-gowl tad-draw fis-87 minuta permezz ta’ auto-gowl tad-difensur ta’ Milan Malick Thiaw.

Fl-ewwel partita tal-ġurnata, Cagliari u Lecce temmew fi draw ta’ 1-1. Punt kruċjali għal Cagliari li jkomplu jitbiegħdu miz-zona tar-relegazzjoni fl-iktar mumenti importanti.

Cagliari ħasbu li marru minn fuq wara 17-il minuta permezz ta’ Alessandro Deiola, madankollu wara konsultazzjoni tal-VAR, il-gowl tħassar.

Fis-26 minuta Cagliari reġgħu skorjaw, din id-darba l-gowl ta’ Yeri Mina jkun validu, li xeħet ġewwa mis-suġġeriment ta’ Gaetano.

L-istess Gaetano ntwera l-karta ħamra minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima wara li kkommetta foul ikraħ fuq Ramadani. Il-gowl tad-draw għal Lecce wasal fl-84 minuta minn Nikola Kristovic.

Intant, draw ieħor din id-darba bla gowls bejn Empoli u Frosinone, żewġ timijiet oħra li jinsabu viċin ferm iz-zona l-ħamra.

Empoli kellhom iċ-ċans li jmorru fil-vantaġġ meta Gyasi sab ix-xibka, però wara konsultazzjoni tal-VAR il-gowl tħassar minħabba l-pożizzjoni rregolari tal-iskorer.

Fi Stadio Marcantonio Bentegodi, tliet punti fundamentali għal Verona fil-mixja lejn is-salvazzjoni fuq Fiorentina, bl-iskor finali ta’ 2-1. Riżultat diżappuntanti għall-Viola li qed ifittxu li jiksbu post mal-ewwel sebgħa fil-klassifika.

Darko Lazovic fetaħ l-iskor minn penalty għal Verona, segwit mill-gowl tad-draw ta’ Gaetano Catsrovilli fit-42 minuta. Tijjani Noslin kien l-awtur tal-gowl tar-rebħa fid-59 minuta.

Il-Ġimgħa
Torino v Bologna 0-0
Is-Sibt
Monza v Lazio 2-2
Sassuolo v Inter 1-0
Illum
Cagliari v Lecce 1-1
Empoli v Frosinone 0-0
Verona v Fiorentina 2-1
Milan v Gennoa 3-1
Roma v Juventus
Għada
Salernitana v Atalanta 6:00pm
Udinese v Napoli 8:45pm