Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Pajjiżna għandu establishment tal-mafia” – l-MEP David Casa

“Establishment tal-mafia”. Dan hu l-mod kif David Casa ddeskriva l-Gvern Laburista fid-diskors li għamel waqt l-attivita politika tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta.

Hu rrefera għall-iskandlu tal-isptartijiet li bih il-Gvern seraq €400 miljun mingħand il-poplu Malti u Għawdxi. Casa stqarr li l-inkjesta marbuta ma’ dan l-iskandlu għandu jiġi ppublikat immedjatament sabiex insiru nafu eżatt min huma t-tradituri ta’ pajjiżna li serqu dawn il-miljuni.

David Casa kompla billi sostna li hu se jkompli jiġġieled kontra dawk li qegħdin Kastilja li qed jużaw l-impunita sabiex jipproteġu l-kriminali, li qed jisirqu l-flus direttament mingħand il-poplu. Hu sostna li hu se juża l-għodda kollha neċessarji sabiex jagħmel gwerra kontrihom biex verament ikun hemm il-ġustizzja. Dan qed jagħmlu għax hu x-xogħol tiegħu li jiddefendi lill-poplu, u mhux lil gvern korrott.

Hu kompla jsemmi kif dawn il-miljuni li seraq Gvern Laburista setgħu jintużaw sabiex ikomplu jsaħħu s-settur tas-saħħa li għandha diversi nuqqasijiet. Casa sostna li l-Gvern kisser kompletament is-saħħa tal-Maltin.

David Casa temm id-diskors tiegħu b’messaġġ wieħed li biħ fakkar, li fl-aħħar mill-aħħar, s-sewwa jirbaħ żgur.