Internazzjonali

Renju Unit: Żmien delikat għal Rishi Sunak u t-Tories wara t-tkaxkira fl-elezzjonijiet lokali

epa10264785 Britain's new Prime Minister Rishi Sunak arrives in Downing Street, London, Britain, 25 October 2022. Sunak has taken over as Prime Minister after going to see King Charles III at Buckingham Palace. He is the youngest British prime minister in modern political history. EPA-EFE/TOLGA AKMEN



Numru ta’ deputati u eks-Ministri Konservattivi qed iwaħħlu fil-Prim Ministru u Kap tat-Tories Rishi Sunak għad-disfatta kbira li l-partit tiegħu sofra fl-elezzjonijiet lokali fir-Renju Unit.

Id-disfatta – fejn il-Konservattivi tilfu kważi 500 siġġu fil-kunsilli lokali – żiedet bil-kbir il-pressjoni fuq Sunak li, b’konsegwenza ta’ dan, jista’ ‘il quddiem jiffaċċja kampanja fost id-deputti tat-Tories biex iqaċċtuh minn Kap tal-partit.

L-akbar umiljazzjoni għat-Tories huma t-telfiet fl-elezzjonijiet għas-Sindku f’Londra u l-West Midlands – reġjun li kien ilu fortizza tal-Konservattivi.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Laburista, Sir Keir Starmer sejjaħ biex issir elezzjoni ġenerali bikrija, għalkemm l-osservaturi politiċi qalu wkoll li – minkejja r-riżultati – mhux kollox hu mitluf għall-Konservattivi fil-Gvern.

Għad fadal ftit riżultati x’jidħlu minn madwar il-pajjiż u wara l-konferma li Richard Parker se jkun is-Sindku ġdid f’West Midlands minflok il-Konservattiv Andy Street, Min-naħa tiegħu, Sadiq Khan, aċċerta mit-tielet terminu bħala Sindku ta’ Londra.

Il-Prim Ministru Sunak, intant, esprima d-diżappunt tiegħu dwar ir-riżultati iżda qal li hu għandu xorta waħda d-dmir li javvanza l-politika tal-Gvern biex il-poplu Britanniku jaċċerta minn futur aktar pożittiv. Iżda l-eks Segretarju għall-Intern Suella Braverman, li ilha żmien bit-tikketta ma’ Sunak, waħħlet direttament fil-Prim Ministru għad-disfatta elettorali waqt li insistiet biex hu ‘jammetti l-iżbalji u jibdel id-direzzjoni tal-partit fil-Gvern’.