Lokali

Robert Abela jibqa’ ma jiċħadx li ngħata aċċess għall-inkjesta ta’ Vitals

Il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma ċaħadx li ngħata aċċess għal kopja tal-inkjesta maġisterjali tal-Vitals, b’ħafna jiddiskrivu din il-mossa bħala ammissjoni ċara li l-Prim Ministru ra l-kontenut li jinsab għand l-Avukat Ġenerali, jew li saħansitra ngħata kopja.

F’diskors mimli isteriżmu u attakki immirati lejn il-Partit Nazzjonalista, Robert Abela injora kompletament dak li ħafna qed jistaqsu dwaru. La hu, u lanqas il-Ministru Silvio Schembri ma semmew xejn dwar l-Inkjesta Vitals – tant li evitaw għal kollox dan is-suġġett, u baqgħu biss jużaw kliem negattiv.

Waqt l-attività għall-partitarji Laburisti f’Ħaż-Żabbar, Robert Abela baqa’ juża s-slogan ‘Is-saħħa lill-Maltin’ għalkemm ma qal xejn dwar kif se jindirizza l-kriżi fil-qasam tas-saħħa, in-nuqqas ta’ mediċini, l-għoli tal-ħajja, il-problema tat-traffiku u l-isfidi li qed iġib miegħu l-iżvilupp eċċessiv.

Intant, fid-diskors tiegħu tal-Ħadd, Robert Abela għamel referenza għall-grey listing u spiċċa tefa’ t-tort ta’ dan il-falliment tiegħu fuq gvernijiet  Nazzjonalisti. Dan meta kien Gvern imexxi minnu li tefa’ lill-pajjiżna fuq il-greylist tal-FATF. B’riżultat li dan ħalla diżastru sħiħ għall-industrija lokali, partikolarment fis-settur tad-due dilligence u l-compliance hekk kif l-investiment u n-negozji f’pajjiżna batew ħafna.

F’Ħaż-Żabbar, f’distrett tradizzjonalment Laburista, Robert Abela prova jħeġġeġ lill-partitarji tiegħu b’diskors partiġjan li fih nesa kompletament kif falla f’numru ta’ proġetti. Partikolarment il-famuża Universita tal-Ġordaniżi, li baqgħet Universita fatntażma; u l-famuża trakka li baqgħet fuq l-ixkaffa.