Lokali

Uffiċjalment inkurunata l-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima fis-Santwarju tal-Pietà

Illum uffiċjalment ġiet inkurunata ix-xbieha tal-Madonna ta’ Fatima biex b’hekk il-Knisja f’Tal-Pietà saret verament santwarju tas-Sultana tar-Rużarju.

Ritratt: Matthew Tabone

L-inkurunazzjoni hija simbolu li tingħata lil persuni ta’ ċertu awtorità li l-poplu jkollu qima lejhom bħal slaten, rejiet u imperaturi, u din it-tradizzjoni għaddiet ukoll fir-reliġjoni kattolika. Il-Madonna ta’ Fatima kienet qalet hi stess fid-dehriet tagħha, li hija s-Sultana tar-Rużarju u għalhekk b’mod tanġibbli llum tpoġġiet il-kuruna regale fuq rasha bħala sinjal ta’ qima.

Ritratt: Matthew Tabone

Din il-prattika bdiet fl-Italja u l-ewwel inkurunazzjoni saret fis-27 ta’ Mejju 1601 meta patri Franġiskan Kapuċċin inkuruna lill-Madonna fis-Santwarju ta’ Santa Maria della Steccata f’Parma fl-Italja.

Il-Knisja, meta tavalwa t-talbiet, dejjem tfittex tliet karatteristiċi – l-istoriċità tad-devozzjoni, l-attributi mirkaolużi jew il-garanzija tal-preservazjoni tal-qima lejn ix-xbieha.

Ritratt: Matthew Tabone

Mill-1981, id-deċiżjoni jekk xbieha tkunx inkurunata jew le ma baqgħetx f’idejn il-Vatikan, imma għaddiet f’idejn l-Ordinajru, l-Arċisqof jew il-Kardinal tad-djoċesi tal-post.

F’dan il-każ it-talba kienet saret lill-Arċiqof Charles J. Scicluna li s-sena l-oħra f’jum l-omm kien ħabbar li din it-talba kienet se ssir realtà.

Ritratt: Matthew Tabone

Fr. Reno Muscat, patri fis-Santwarju ta’ Fatima, spjega li t-teknika ta’ kif inħadmet din il-kuruna hija teknika li kienet kważi spiċċat, hekk kif l-aħħar arġentir li kien jaħdem b’dan il-mod miet mitt sena ilu. Però, artist minn Milan, Gabriel Farrugia, ħadem din il-kuruna b’mod tradizzjonali. Din tiżen iktar minn 3 kilogrammi biex b’hekk din il-kuruna hija l-unika waħda tat-tip tagħha f’Malta.

Ix-xbieha tal-Madonna ta’ Fatima, li hija esposta fis-Santwarju tal-Pietà/Gwardamangia, hija statwa mirakoluża li nġiebet mill-Portugall fl-1956.

Ritratt: Matthew Tabone

Meta l-istatwa waslet Malta fl-1956, din kienet tbierket mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u fis-27 ta’ April kien beda pellegrinaġġ biex l-istatwa tittieħed lejn Tal-Pietà wara li għaddiet mill-Belt Valletta u l-Furjana. Dan il-pellegrinaġġ kien replikat din is-sena fl-istess jum.

Patri Reno Muscat spjega li din hija statwa devota li taqla ħafna mirakli fis-skiet. Ix-xbieha li ġiet inkurunata llum hija twila ‘l fuq minn tliet metri, u hija waħda mill-uniċi tliet statwi madwar id-dinja magħmula mill-injam li tlaħħaq dan id-daqs.

Din l-istatwa turi lill-Madonna b’idejha miftuħa waqt li tippreżenta l-kuruna tar-rużarju bħala għodda għas-salvazzjoni u għat-tpattija għad-dnubiet li qed iweġġgħu l-qalb safja tagħha u ta’ binha. Din ix-xbieha tal-Madonna jingħadd li dehret lit-tfal qaddisin ta’ Fatima f’Ġunju tal-1917.

Reuben Mifsud, membru tal-Kumitat Organizzativ, spjegalna li għalihom din tfisser kulminazzjoni tal-istorja tal-Parroċċa li bdiet fl-1954. Hija wkoll l-ewwel pass ‘il quddiem li mistennija ġġib magħha responsabbiltà ġdida biex dan il-post iservi ta’ lok fejn l-Insara jiġu fi Knisja moderna.

Il-pellegrinaġġ ta’ nhar it-Tnejn 13 ta’ Mejju se jkun wieħed uniku hekk kif din l-istatwa inkurunata se tkun qed toħroġ mill-Knisja għall-ewwel darba.

Ritratt: Matthew Tabone

Ritratt: Matthew Tabone
Ritratt: Matthew Tabone

Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, flimkien mal-mara tiegħu AnneMarie Grech kif ukoll numru ta’ Deputati tal-Partit Nazzjonalista.