Matul l-aħħar snin, l-Arkivji u istituzzjonijiet li fihom hemm iż-żamma ta’ materjal arkivistiku, investew riżorsi importanti biex joffru aċċess għal oġġetti diġitalizzati. Dawn it-“teżori diġitali” huma inklużi bħala sorsi primarji għal portali ta’ aċċess ħieles, iżda m’għandhomx proċess ta’ trasformazzjoni u lanqas jiġġeneraw redditu ekonomiku.
Il-kollezzjonijiet diġitali għandhom potenzjal enormi biex ibiddlu l-mod kif tintuża r-riċerka u l-informazzjoni, u biex jiżviluppaw modi ġodda ta’ preservazzjoni kif ukoll il-mod ta’ kif dawn jinġabru u jkunu organizzati, propagazzjoni u aċċess għall-għarfien.
Bħalissa, fi Spazju Kreattiv fil-Belt hemm wirja ta’ films qosra mwassla mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta. Il-wirja li hi fi ħdan il-proġett tat-Teżori Diġitali Ewropej, titratta dwar il-ġestjoni ta’ arkivji ċentinarji fis-seklu 21. Dawn il-films qosra huma maħluqa minn 7 istituzzjonijiet imsieħba minn 7 pajjiżi Ewropej li jinkludu arkivji statali, istitut teknoloġiku, istituzzjonijiet kulturali u ta’ riċerka, u netwerk internazzjonali ta’ istituzzjoni tal-wirt kulturali. Il-wirja li hi bla ħlas se tibqa’ miftuħa sat-12 ta’ Mejju. Għal aktar tagħrif żur is-sit tat-Teżori DIġitali Ewropej.
Illum fil-programm ‘Mill-Arkivji’ li jixxandar fuq NET FM fis-7p.m., Sabrina Calleja Jackson, arkivista fl-Istitut Nazzjonali Awdjo-Viżwali (NAVI) fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta se titkellem fit-tul dwar din il-wirja, kif ukoll dwar il-ħidma tagħha għall-preservazzjoni u l-aċċessibilta ta’ kwantità kbira ta’ materjal awdjo-viżiv li hemm arkivjat fl-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat. ‘Mill-Arkivji’ li għandu produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Noel D’Anastas jixxandar ukoll fuq netfm.com.mt
//= $special ?>