Abela jgħid li mhux se jkun qed jieħu passi fil-konfront tal-akkużati
“Jekk se nsib il-baħħ, allura din l-Inkjesta kellha għanijiet oħrajn. L-akkużi weħidhom mhux biżżejjed”.
Hekk wieġeb Robert Abela meta ftit tal-ħin ilu kien mistoqsi mill-ġurnalisti. Il-Prim Ministru qal li jrid janalizza sew l-akkużi, u jara jekk “hemmx laħam” fl-akkużi tal-Inkjesta Vitals – fi kliem sempliċi, se jiddeċiedi kif irid hu, u mhux skont il-konklużjonijiet ta’ din l-inkjesta.
Din il-konferenza tal-aħbarijiet issejħet f’Kastilja, biex Abela jitkellem waħdu fuq podium minflok jiddiskuti fil-Parlament.
Robert Abela wera biċ-ċar li mhux se jitlob ir-riżenja ta’ Joseph Muscat mil-Labour, wisq inqas ta’ Chris Fearne minn Ministru.
Intant, il-Mexxej tal-Labour wera biċ-ċar li jinsab maqbud fi kriżi u f’paniku sħiħ tant li ssokta bl-attakki ħorox fil-konfront tal-Maġistrat Gabriella Vella u issa spiċċa jimmina wkoll xogħol il-ġurnalisti.
Fil-Berġa ta’ Kastilja, Robert Abela deher viżibbilment mifxul u kompla jiżvaluta u jimmina xogħol il-ġudikatura.
Dan wara li l-Pulizija ħarġet akkużi kriminali fil-konfront ta’ diversi individwi u kumpaniji fosthom biċ-ċert l-Eks Mexxej Laburista u Eks Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru attwali Chris Fearne u l-Eks MInistru u Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna flimkien ukoll ma numru ta’ eks uffiċjali u uffiċjali għolja preżenti fosthom Alfred Camilleri – ismijiet konfermati minn Robert Abela nnifsu.
B’mod mill-aktar surreali, Abela appella għal kalma iżda fl-istess waqt kompla bl-attakki fuq il-Maġistrat Gabriella Vella, u insista bin-narrattiva tal-establishment, fejn mhux talli ta’ x’jifhem li hemm membri tal-ġudikatura involuti, iżda saħansitra immina lill-ġurnalisti.
Dan billi qal li d-domandi tagħhom – ta’ ġurnali indipenden – waslu minn dan is-suppost establishment.
Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk hux se jġiegħel lil Joseph Muscat jirriżenja mil-Labour, Abela wieġeb le, hekk ukoll jekk hux se jieħu passi fil-konfront ta’ Edward Scicluna, uffiċjali tal-Gvern jew saħansitra l-Ministru Chris Fearne, minkejja li qalilna li ta’ Steward kien ‘”the real deal”.
Intant, b’rabta mal-kumment li għamel Joseph Muscat dwar li xi ħadd ħasel idejh milli jipprova jsewwi l hekk imsejħa minnu inġustizzja, Abela sostna li ma kienx qed jirreferi għalih, .bl-aktar mod skomdu, u li l-ġurnalisti kellhom jistaqsu lilu.
Minkejja l-kritika qawwija li qed jaqla’, minkejja l-appelli ta’ kalma, minkejja l-kundanni minn gruppi sħaħ ta’ studenti universitarji, Abela ssokta jattakka lil kull min mhux jaqbel miegħu hekk kif issa żdiedu mal-lista saħansitra l-ġurnalisti preżenti quddiemu.
//= $special ?>