Lokali

Agius Saliba se joħroġ għonqu għal Fearne anke jekk ismu jkun fl-Inkjesta Vitals

Claudette Abela Baldacchino tibqa’ tattakka lill-Maġistrat Gabriella Vella

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba ma jara xejn ħażin jekk id-Deputat Mexxej tal-Labour u Ministru Chris Fearne jkun indikat fl-Inkjesta Vitals. 

Dan hekk kif it-Tnejn filgħodu, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Agius Saliba saħaq li lest jagħti sostenn lil kulħadd meta kien mistoqsi minn Net News jekk hux se jibqa’ jagħti s-sostenn tiegħu lil Fearne fl-eventwalità li l-istess Ministru jkun imsemmi fl-inkjesta Maġisterjali.

Fil-jiem li għaddew il-gazzetta MaltaToday żvelat li Chris Fearne ħasad lill-Grupp Parlamentari Laburista meta qalilhom li jekk ismu jkun imsemmi fl-inkjesta tal-isptarijiet, huwa jirriżenja.

Fatt li l-Prim Ministru Robert Abela mhux talli ma kienx ċaħad, talli filwaqt li kompla bl-attakki fuq il-Maġistrat Gabriella Vella xeħet aktar pressjoni fuq il-ġudikatura billi qal li jekk f’għajnejh hu ma jkunx ħati, ma kienx se jaċċetta r-riżenja.

Intant fl-aħħar jiem Abela ma ċaħadx li ra jew saħansitra li għandu l-Inkjesta tal-Vitals f’idejh – fatt li lanqas il-kandidata Claudette Abela Baldacchino ma ċaħdet. Minflok għażlet li hi wkoll tattakka l-professjonalità tal-Maġistrat Gabriella Vella billi saħqet li t-timing tal-għeluq tal-inkjesta kien wieħed politiku.

Attakki min-naħa tal-Partit Laburista li qed jitqiesu bħala perikolużi u irresponsabbli fejn bosta qed jisħqu li tali diskors qiegħed mhux biss jimmina l-ħidma tal-ġudikatura, iżda jasaħħan l-irjus; bis-Sunday Times tikkumpara din l-attitudni mal-mod kif mexxa Donald Trump fl-eqqel tal-irvellijiet fuq il-Capitol.