Lokali Mużika

Awguri Sarah! Awguri Malta!

Noel D’Anastas

Ninsabu fid-deni tal-Eurovision Song Contest, stennija kbira għal eluf ta’ ammiraturi li sena wara oħra se jerġgħu jkunu mwaħħla mat-televiżjoni jsegwu dak li jitqies bħala l-akbar manifest mużikali Ewropew, il-Eurovision Song Contest. Malta se tkun rrappreżentata minn Sarah Bonnici, il-kantanta żagħżugħa Għawdxija li flimkien maż-żeffiena tagħha se twassal il-kanzunetta ‘Loop’. Hija kienet qatgħet il-passaġġ għal Malmo wara li rebħet il-Malta Eurovision Song Contest f’kompetizzjoni televiżiva mwassla f’erba’ semifinali, bil-final sar fit-3 ta’ Frar 2024.

Sarah Bonnici, wara li temmet it-tieni prova fl-Arena ta’ Malmo, dehret kuntenta u sodisfatta bil-prestazzjoni li tat flimkien maż-żeffiena tagħha, għalkemm sostniet li kien jonqos aktar x’wieħed jirfina. It-tieni prova baqgħet primarjament l-istess bħal dik tal-vidjow mużikali, iżda aktar rfinata mill-ewwel prova tagħha. Il-prestazzjoni kellha bidliet fil-korjografija biż-żeffiena rġiel jinżgħu l-flokkijiet. Huma se jiżfnu wkoll b’għajnejhom mgħammda. L-ispettaklu f’‘Loop’, se jkun hemm aktar użu ta’ logħob tan-nar speċjalment lejn it-tmiem. Minn hawn nawguraw is-suċċess lil Sarah u lil Malta.

L-edizzjoni tal-Eurovision Song Contest 2024 se tkun it-68 edizzjoni, skedat għall-Arena ta’ Malmo fl-Iżvezja wara li sena ilu Loreen kienet rebħet bil-kanzunetta ‘Tattoo’. F’din l-edizzjoni se jieħdu sehem 37 pajjiż, bl-ewwel semifinali se ssir għada t-Tlieta, 7 ta’ Mejju li fiha se jipparteċipaw 15-il pajjiż – Ċipru, is-Serbja, il-Litwanja, l-Irlanda, l-Ukrajna, il-Polonja, il-Kroazja, l-Iżlanda, is-Slovenja, il-Finlandja, il-Moldova, l-Ażerbajġan, l-Awstralja, il-Portugal u l-Lussemburgu.

Il-Ħamis, 9 ta’ Mejju, ikun imis lil Malta, l-ewwel pajjiż li se jwassal il-kanzunetta tiegħu f’dik illejla. Se jkunu 16-il pajjiż li se jkunu qed jidhru f’din it-tieni semifinali li se tkun aktar kompettitiva. Wara Malta jkun imis il-prestazzjoni tal-Albanija, segwita mill-Greċja, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija, id-Danimarka, l-Armenja, il-Latvja, San Marino, Ġeorġja, il-Belġju, l-Estonja, Iżrael, in-Norveġja u l-Olanda.

Miż-żewġ serati jridu jintgħażlu l-aħjar 10 minn kull semifinali biex imbagħad dawn jieħdu sehem fil-finali ta’ nhar is-Sibt, 11 ta’ Mejju, bis-sehem ukoll tal-Iżvezja bħala l-pajjiż rebbieħ tas-sena l-oħra u l-organizzatur ta’ din l-edizzjoni, flimkien mal-’big five’ – Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit.

It-tliet serati se jkunu preżentati minn Petra Mede li wkoll kienet preżentat dan il-manifest fl-2013 u l-2016, flimkien ma’ Malin Åkerman.

Ir-ritorn tal-Lussemburgu wara 31 sena

Fil-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena se naraw ir-ritorn ta’ Natalia Barbu u Hera Björk, li kienu rrappreżentaw lill-Moldova fl-2007 u l-Iżlanda fl-2010 rispettivament. Il-Lussemburgu se jkun qed jirritorna wara waqfa ta’ 31 sena bl-aħħar parteċipazzjoni kienet fl-1993. Min-naħa l-oħra, ir-Rumanija li sena ilu pparteċipat, ħabbret li mhux ħa tieħu sehem. L-inklużjoni ta’ Iżrael fost il-parteċipanti fil-kuntest tal-gwerra li għaddejja bejn Iżrael u l-Ħamas, intlaqgħet bi kritika, bi protesti u petizzjonijiet li jsejħu għat-tneħħija tagħha, u nfurzat lill-organizzaturi biex isaħħu l-miżuri ta’ sigurtà.

  • Id-disinn tal-palk għall-konkors tal-2024, tfassal mid-disinjatur tal-produzzjoni Ġermaniż Florian Wieder, li qabel kien iddisinja s-settijiet ta’ sitt kompetizzjonijiet preċedenti – l-aktar reċenti kien fl-2021. Il-kontenut tad-dawl u l-iskrin kien iddisinjat mid-disinjatur Żvediż Fredrik Stormby. Il-palk se jkollu ħames LEDs kbar mobbli, art imdawla u backdrop screen flimkien ma’ teknoloġija oħra ta’ dawl, vidjo u stagecraft, kollha stabbiliti madwar iċ-ċentru b’forma ta’ salib, bil-għan li “toħloq esperjenza unika ta’ 360 grad” għat-telespettaturi.
  • Il-kartolini li huma vidjows qosra murija fuq it-televiżjoni waqt li l-palk ikun qed jitħejja għad-dħul tal-prestazzjonijiet li jkun imiss, bdew jiġu ffilmjati fi Frar 2024. Dawn se jkunu komposti minn filmati miġbudin mill-artisti parteċipanti permezz ta’ “selfie-mode”, li jintroduċu l-artisti nfushom u l-pajjiż li jirrappreżentaw. F’kull kartolina se jintużaw ukoll filmati mill-arkivji tal-parteċipazzjonijiet preċidenti tal-pajjiżi rispettivi.
  • Fl-intervalli tal-ewwel semifinali se jkun hemm il-parteċipant Żvediż tal-2018, Benjamin Ingrosso, li se jinterpreta medley tal-kanzunetti tiegħu, filwaqt li fl-interval tat-tieni semifinali se jkun hemm Helena Paparizou, Sertab Erener (flimkien ma’ Sena Şener), u Charlotte Perrelli jinterpretaw il-kanzunetti rebbieħa rispettivi tagħhom. Helena Paparizou se ġġib il-memorja meta Greċja rebħet l-edizzjoni tal-2005 bil-kanzunetta ‘My Number One’, filwaqt li Sertab Erener (flimkien ma’ Sena Şener) ikantaw ‘Everyway That I Can’ mill-kuntest tal-2003. Charlotte Perrelli se tfakkarna fir-rebħa tal-Isvezja fl-1999 bil-kanzunetta ‘Take Me to Your Heaven’. Il-preżentatriċi Petra Mede flimkien ma’ artisti oħra se tesegwixxi s-silta ‘We Just Love Eurovision Too Much’.
  • “United by Music”, is-slogan tal-konkors tal-2023, se jinżamm għall-2024 u edizzjonijiet futuri. It-tema artistika li qed takkumpanja din l-edizzjoni ġġib l-isem “The Eurovision Lights”.