Lokali

“Dwar l-Ewropa, il-Labour ma tistax torbot fuqu” – PN

Jekk bil-ħidma ta’ żewġ Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti rnexxielna niksbu dak kollu li ksibna fl-aħħar snin, ara kemm nistgħu niksbu aktar bi tliet Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti.

Hekk saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fejn spjega kif bil-ħidma ta’ Roberta Metsola u David Casa, il-Maltin u l-Għawdxin kollha jistgħu jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista wasslet għal kwalità ta’ ħajja aħjar għalik permezz tal-liġi tal-‘work life balance’ u l-‘paternal leave’, fondi b’rabta mat-tibdil fil-klima u bosta kisbiet oħrajn, li minnhom gawda l-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-ħidma tagħhom tant sabet rikonoxximent anke fl-Ewropa li Malta ġiet fdata bil-Presidenza tal-Parlament Ewropew u l-pożizzjoni prestiġjuża ta’ Kwestur.

It-tentattivi fjakki tal-kandidati tal-Partit Laburista biex inessu l-kisbiet kbar li għamlu l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti fl-Ewropa, mhu qed jimpressjonaw lil ħadd, kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista kien il-Partit li kkonvinċa lill-Maltin u l-Għawdxin li post pajjiżna hu fl-Ewropa meta l-Partit Laburista ġġieled bis-saħħa kollha s-sħubija u pprova jbigħ il-partnership u ried li nibqgħu barra mill-Unjoni.

Il-Partit Laburista ma jista’ qatt ikun kredibbli meta jitkellem dwar l-Ewropa.